Lokali

Il-ħaddiema tal-Enemalta vittma taċ-ċaqlieq wara laqgħat bejn il-Management u r-rappreżentanti tal-ħaddiema

Minkejja l-wegħdiet li sarulhom, uħud mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta se jkunu qed jiċċaqilqu bir-riskju wkoll li jitnaqqrulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dan qed ikompli jħasseb lill-ħaddiema, anke wara l-laqgħat “top secret” li kienu organizzati fl-aħħar jiem.

Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-aħħar minn sensiela ta’ laqgħat issejħet fis-sigħat li għaddew, meta numru ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema fl-Enemalta ntalbu jattendu laqgħa urġenti mal-Management tal-Korporazzjoni.

Hu mifhum li l-laqgħa ssejħet b’daqstant urġenza minħabba ċ-ċaqlieq li diġà beda fil-Korporazzjoni. Madankollu, meta l-ħaddiema kienu ħasbu li ċ-ċaqlieq intemm, il-laqgħa ta’ dalgħodu wasslet għal aktar ċaqlieq.

Għaldaqstant, ħaddiema tal-Korporazzjoni li tkellmu magħna esprimew id-diżappunt tagħhom kif, minkejja li kienu daqstant imwegħda mill-Partit Laburista fix-xhur li għaddew, spiċċaw fil-mira taċ-ċaqlieq.

Hu mifhum li dan iċ-ċaqlieq seħħ minħabba l-pjan tal-Gvern li spiċċa pprivatizza terz tal-Enemalta u li wassal biex il-ħaddiema kollha qed ikollhom il-kundizzjonijiet tal-impjiegi tagħhom imnaqqra.