Internazzjonali

Il-Papa …hemm limitu għal-libertà tal-espressjoni meta r-reliġjon tkun insultata

Il-Papa Franġisku qal li hemm limiti għal-libertà tal-espressjoni meta r-reliġjon tkun insultata, b’referenza għall-karikaturi fir-rivista satirika Charlie Hebdo. Madankollu, hu wkoll irrimarka li l-qtil f’isem Alla hu “assurdità”.

Il-Papa kien qed ikellem lill-ġurnalisti fuq titjira minn Sri Lanka sal-Filippini.

Hu u jwieġeb mistoqsijiet dwar l-attakk f’Pariġi fil-kwartieri tar-rivista Charlie Hebdo, hu qal li l-libertà tal-espressjoni hi “dritt fundamentali tal-bniedem” bħal-libertà tar-reliġjon, iżda għandha tkun imħaddna “mingħajr ma toffendi”.

“Wieħed ma jistax jipprovoka, wieħed ma jistax jinsulta r-reliġjon ta’ ħaddieħor, wieħed m’għandux jiddieħaq bil-fidi”.

Il-Papa qal li wieħed jista’ jirreaġixxi meta jkun offiż; il-mexxej tal-Knisja Kattolika ġab eżempju, u rrefera għal min ippjana l-vjaġġ tiegħu fl-Asja u qal li jekk “il-ħabib kbir tiegħu jgħid xi kelma ħażina kontra ommi, allura se jaqla’ daqqa ta’ ponn. Imma din xi ħaġa normali, normali.”

Madankollu, il-Papa Franġisku żied li “wieħed ma jistax joffendi, jagħmel gwerra, joqtol f’isem ir-reliġjon tiegħu, jiġifieri, f’isem Alla.”