L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola enfasizzat il-ħtieġa ta’ iktar trasparenza fi ħdan istituzzjonijiet u Gvernijiet Ewropej biex jonqos id-distakk bejn iċ-ċittadini u min jagħmel il-liġijiet.
Hi u ttenni l-appell tal-Kap tal-PN Simon Busuttil f’Malta, Roberta Metsola qalet li Gvernijiet u istituzzjonijiet għandhom jafdaw iktar liċ-ċittadini tagħhom jekk iridu li jkunu afdati. Saħqet li żmien mexxejja li jaħdmu b’mod sigriet ilu li spiċċa u l-poplu jippretendi iktar bi dritt.
Waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar l-Ombudsman tal-UE Emily O’Reilly, Roberta Metsola faħħritha għall-ħidma tagħha u saħqet li l-politiċi għandhom isostnu l-indipendenza tal-Ombudsman f’kull pajjiż membru.
Hi u ssemmi l-eżempju tal-Ombudsman f’Malta bħala storja ta’ suċċess, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista faħħret l-inizjattiva li qed titmexxa minn pajjiżna biex jitwaqqaf Istitut Internazzjonali dwar il-Liġi tal-Ombudsman u qalet li din għandha tiġi sostnuta.
//= $special ?>