Lokali

Qrib 10,000 iż-żgħażagħ imċaħħda mid-dritt li jivvutaw fir-Referendum – MŻPN

MŻPN jappella b’mod qawwi biex żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jitħallew jivvutaw fir-referendum dwar il-kaċċa li se jsir fl-istess jum tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u li huma se jkunu jistgħu jivvutaw għalihom għall-ewwel darba.

Il-moviment qal li l-fatt li kważi 10,000 żgħażagħ mhux se jkunu jistgħu jivvutaw fir-referendum hu sempliċement kontradizzjoni u ipokreżija. Għalhekk appella lill-Gvern biex ibiddel il-pożizzjoni tiegħu jekk verament jemmen fiż-żgħażagħ.

L-MŻPN fakkar li fl-2012, waqt diskussjoni dwar l-għoti tad-dritt tal-vot għal żgħażagħ taħt it-18-il sena, Joseph Muscat kien qal li ż-żgħażagħ iridu inqas kliem u iktar azzjoni. Innota madankollu li llum, sentejn wara, Joseph Muscat qed jilgħab bil-kliem u donnu mehdi żżejjed b’wegħdiet wara l-kwinti biex jagħti każ dan is-suġġett.

Il-moviment qal li la l-pajjiż aċċetta li ż-żgħażagħ jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali biex jesprimu ruħhom direttament dwar min għandu jirrappreżentahhom, għandhom jitħallew jesprimu lilhom infushom f’referendum li jaffettwa direttament lis-soċjetà li fiha jgħixu. Dan ikun opportunità għalihom li juru l-fehma tagħha b’mod loġiku u mhux partiġġjan u jkun il-pass ideali qabel jesprimu ruħhom f’kuntest elettorali fil-futur.

MZPN Logo