Lokali Qorti

Smith mhux jiġi akkużat b’hit and run fuq Sheehan

Minkejja l-ordni tas-Supretendent Alexandra Mamo biex il-karozza tal-ex Ministru Manwel Mallia ma tintmessx sabiex issir inkjesta, din intmesset xorta waħda peress li din kienet bla numru u dan meta kien hemm żewġ xhieda li ftit tal-ħin qabel kienu rawha bin-numru GM 14. Anke l-arma tpoġġiet fil-but ta’ wara.

Il-karozza ta’ Stephen Smith, li dwarha wkoll kienu ngħataw struzzjonijiet biex ma tintmessx, spiċċat fuq il-low loader. “Fil-fatt meta mort fil-post, jien staqsiet Surġent li kien hemm fil-post u għidtlu, hawn x’għamiltu?”

Is-Supretendent Alexandra Mamo qalet dan fil-Qorti fil-kumpilazzjoni ta’ Stephen Smith, l-Iskoċċiż li huwa mifhum li laqat il-mera tal-karozza tal-ex Ministru Manwel Mallia, li kienet misjuqa minn Paul Sheehan. Sheehan għaddej proċeduri separati l-Qorti mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Smith.

Smith qed jiġi mixli fid-19 ta’ Novembru li għadda, fost l-oħrajn saq b’mod perikoluż waqt li kien fis-sakra, ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, kien ta’periklu għal ħaddieħor u qabeż il-limiti tal-alkoħol.

Fix-xhieda tagħha, is-Supretendet Mamo qalet li kienet semgħet pulizija jgħid li kien hemm uffiċjal tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li kien għadda flixkun aħdar lil pulizija ieħor u li allegatament dan il-flixkun instab fil-karozza ta’ Smith. Qalet ukoll li kien hemm diverġenzi fl-istqarrijiet li taw Sheehan u Smith.

Fuq mistoqsija tal-avukat ta’ Smith, Joe Giglio, is-Supretendent ikkonfermat ukoll li lil Smith ma kinitx qed tixlih bl-akkuża ta’ hit and run.

Is-Supretendent qalet li fis-19 ta’ Novembru għall-ħabta tad-9.00pm irċeviet telefona mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit li qalilha li kien għadu kemm seħħ inċident fejn kien involut ix-xufier ta’ Manwel Mallia. Zammit qalilha li dan l-inċident kien wieħed ta’ hit and run u li x-xufier kien spara żewġ tiri.

Mamo qalet li marret fuq il-post u li kienet infurmata li tal-RIU kienu arrestaw persuna li kienu se jieħdu l-għassa tal-Imsida. Qalet ukoll li hi ordnat biex ma jintmess xejn fuq il-post biex issir inkjesta Maġisterjali. Is-Supretendent qalet ukoll li anke l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija kien taha ordni biex ma jiċċaqlaq xejn.

Madankollu, ix-xhud qalet li meta hi marret fuq il-post tal-inċidet sabet il-karozza bi pjanċi barranin li kienet diġa’ mgħobbija fuq low loader. Kien hemm ukoll il-karozza ta’ Manwel Mallia li kienet mingħajr pjanċi.

Ix-xhud qalet li kienet ordnat lill-Ispettur Saviour Baldacchino tas-CID biex imur ma’ Paul Sheehan biex jiġi determinat fejn kienu sparati t-tiri u jinstabu l-iskrataċċ. Qalet ukoll li dak il-ħin tat ordni lill-Kuntistabbli biex joqgħod għassa mal-karozza li kien instabitilha arma fil-but ta’ wara.

Mamo spjegat li iktar tard kienet ġiet infurmata li Smith kien ittieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan għat-test tan-nifs imma dan kien irrifjuta li jagħmlu. Hi kienet ordnat li jittieħed l-għassa ta’ Tas-Sliema. Eventwalment, Smith għamel it-test tan-nifs u dan immarka 109mmg. Iktar tard, Smith kien ammetta li kien xorob inbid u birra.

Is-Supretendent qalet li l-għada, Smith kien mar l-Għassa ta’ Tas-Sliema fejn iktar tard filgħaxija irrilaxxa stqarrija. Mix-xhieda, ħareġ ukoll li Smith kien ikkopera mal-Pulizija.

Ħareġ ukoll li l-karozza tal-Ministru kienet mikrija mingħand Burmarrad Commercials, u li kellha selħa fil-mudguard u l-mera fuq in-naħa tax-xufier. Il-karozza ta’ Smith kellha żewġ toqbiet kumpatibli ma’ sparatura, u daqqa li kienet kumpatibli mad-daqqa mal-karozza tal-Ministru.

Mamo qalet li wara l-investigazzjonijiet, hi ħadet proċeduri u akkużat lil Sheehan b’attentat ta’ qtil tal-akkużat.
Ix-xhud qalet li hi ma tafx min kien li neħħa l-pjanċi u kkonfermat li l-ordnijiet tagħha ma ġewx obduti.

Fil-Qorti, xehed ukoll Noel Gauci ta’ Burmarrad Commercials li qal li l-ispiża fuq il-karozza Mercedes tal-ex Ministru telgħet għal €3,576.95.

Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-12 ta’ Frar. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonthan Ransley.

paul sheehan sparatura manwel mallia