Internazzjonali

Tellieqa interessanti fil-kategoriji tal-Oscars

It-tellieqa fost l-atturi u l-films innominati għall-Oscars (Academy Awards) qed tidher ferm missielta u indeċiża, meta ‘Birdman’ u ‘The Grand Hotel Budapest’ kisbu l-akbar numru ta’ nominazzjonijiet — b’disa’ kull wieħed — għall-Aqwa Film.

Iċ-ċerimonja tal-Oscars issir fid-Dolby Theatre ta’ Hollywood, f’Los Angeles, fit-22 ta’ Frar u fejn se jitqassmu l-premjijiet f’24 kategoriji.

Intant, produzzjonijiet oħra li jistgħu jirbħu l-unuri fil-kategorija tal-Aqwa Film jinkludu ‘The Imitation Game’, bi tmien nominazzjonijiet; ‘American Sniper’ u ‘Boyhood’ — bl-aħħar żewġ films ikollhom sitt nominazzjonijiet kull wieħed.
Il-films l-oħra nnominati huma ‘Selma’, ‘The Theory of Everything (dwar il-ġenju, Stephen Hawking) u ‘Whiplash’.

L-Innominati għall-Aqwa Direttur huma: Wes Anderson (The Grant Budapest Hotel); Alejandro G Inarritu (Birdman); Richard Linklater (Boyhood), Bennett Miller (Foxcatcher) u Morten Tyldum (The Imitation Game).

L-Innominati għall-Aqwa Attur: Steve Carrell (Foxcatcher); Bradley Cooper (American Sniper); Benedict Cumberbatch (The Imitation Game); Michael Keaton (Birdman) u Eddie Redmayne (The Theory of Everything).

L-Innominati għall-Aqwa Attriċi: Marion Cotillard (Two Days, One Night); Felicity Jones (The Theory of Everything); Julianne Moore (Still Alice); Rosamund Pike (Gone Girl); Reece Witherspoon (Wild).

L-Oscar għall-Aqwa Screenplay Oriġinali jista’ jintrebaħ minn: ‘Birdman’; ‘Boyhood’; ‘The Foxcatcher’; ‘The Grand Hotel Budapest’ u ‘Nightcrawler’.

Fatturi oħra interessanti:

* In-nominazzjoni tal-attur veteran, Robert Duvall, għal ‘Best Supporting Actor’ fil-film ‘The Judge’ tfisser li hu, fl-eta ta’ 84 sena, sar l-aktar attur anzjan qatt innominat f’din il-kategorija;

* In-nominazzjoni ta’ Meryl Streep fil-kategorija ‘Best Supporting Actress’ għall-interpretazzjoni tagħha f”Into The Woods’ hi anki waħda storika. Dan peress li l-attriċi, issa, kisbet 19 il-nominazzjoni tul il-karriera tagħha. B’hekk ukoll, Streep hi stabbilita sew bħala l-aktar attriċi li qatt irċeviet nominazzjonijiet għall-Oscar — b’seba’ aktar minn Katharine Hepburn (12) u disa’ aktar minn Bette Davis (10).