Żagħżugħ Ċiniż li kien inħataf mill-ħanut tal-ħaxix ta’ missieru 24 sena ilu, sa fl-aħħar ingħaqad ma’ missieru.
Sun Bin kellu biss erba’ snin meta nħataf mis-suq fil-belt ta’ Chengdu fix-Xlokk tal-provinċja ta’ Sichuan.
Iż-żagħżugħ, li llum għandu 28 sena, imbagħad inbigħ lill-ġenituri adottivi tiegħu, koppja bla tfal, fil-belt ta’ Xuzhou, kważi elf mil ‘il bogħod, għall-prezz ta’ 250 Lira Sterlina.
“Il-fatt li kienu ħallsu lill-irġiel li kienu serquni mill-ġenituri reali tiegħi, kważi fisser li kien hemm distanza bejnietna,” qal Sun Bin.
“Nammetti li kbirt biex ħabbejthom għall-ġentilezza tagħhom hekk kif għaddew is-snin, iżda kont naf li kelli nipprova nsib il-ġenituri reali tiegħi.
“Meta kont kbir biżżejjed biex, waħdi, nibda nfittex il-ġenituri reali, ma għidtilhomx għall-ewwel għax ma ridtx nippreokkupahom.”
Sun Bin beda jfittex għall-ġenituri bijoloġiċi tiegħu fl-2010, u bħala parti mit-tfittxija hu pprovda kampjun tad-DNA lil database appoġġjata mill-gvern – u sab tqabbil.
Missieru Ku ta’ 45 sena u ommu Lo, qattgħu erba’ snin jivjaġġaw madwar iċ-Ċina bit-tama li jsibu lil binhom, iżda qatgħu qalbhom fl-1995.
Ku jiftakar: “Kont qed naħdem inbigħ il-ħaxix fis-suq tal-ikel f’Chengdu u kont ħadtu miegħi. Kont qed naqdi klijent u meta ħarist madwari rajt li ma kienx hemm.
“Marti u jien vjaġġajna kullimkien, u hi mardet bl-inkwiet matul is-snin. Kienet tbati mill-pressjoni baxxa u jien nemmen li dan kien parti mir-raġuni għaliex hi kienet mietet qabel iż-żmien.”
Ku u Lo waqfu jfittxu għal Sun Bin fl-1995 meta mbagħad kellhom tifla, iżda Lo ma waqfitx taħseb fih u mietet fl-2011, ‘b’qalb maqsuma’.
//= $special ?>