Internazzjonali

Tnejn imutu f’rejd kontra t-terroriżmu fil-Belġju

Żewġ persuni nqatlu f’ħidma kontra t-terroriżmu fil-belt Belġjana ta’ Verviers. Skont stazzjon tat-televiżjoni Belġjana, kien hemm persuna oħra li ndarbet.

Sors mill-uffiċċju tas-sindku ta’ Verviers stqarr li “ħidma kontra t-terroriżmu” għadha għaddejja. Uffiċjal ieħor qal li r-rejd kien “relatat kontra l-ġiħaddisti”.

Xhieda rrappurtaw li semgħu ħafna sparar għal diversi minuti u mill-inqas tliet splużjonijiet.

Iz-zona madwar l-istazzjon tal-ferrovija kienet iċċirkondata u rapporti fil-media soċjali qalu li kien hemm preżenza qawwija tal-pulizija fiċ-ċentru tal-belt.

Rapporti fil-media ssuġġerew li dawk li kienu fil-mira x’aktarx kienu estremisti Iżlamiċi li rritornaw mis-Sirja.

Verviers tinsab fil-provinċja ta’ Liege u għandha popolazzjoni ta’ madwar 56,000 persuna.

L-inċident seħħ ġimgħa wara l-attakki f’Pariġi fejn inqatlu 17-il persuna.

Il-media Belġjana rrappurtat li wħud mill-armi wżati fl-attakki f’Pariġi nxtraw qrib l-istazzjon tal-ferrovija Midi fi Brussell.