Lokali

Żewġ delegazzjonijiet barranin f’ġurnata għall-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija laqgħet żewġ delegazzjonijiet ta’ livell għoli f’ġurnata.

L-attivitajiet kienu parti mill-ħidma tal-Kamra biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet internazzjonali u tesponi lill-membri tagħha għal opportunitajiet ta’ negozju.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Bank Muscat, Abdulrazak Ali Issa, mill-Oman iltaqa’ mad-Deputat President tal-Kamra, Anton Borg u maċ-Chairman tal-Kunsill għal-Lvant Nofsani, Tonio Casapinta. Casapinta kien żar l-Oman fl-2014 u beda diskussjonijiet bilaterali mal-Kamra f’dak il-pajjiż.

Minbarra żjara ta’ delegazzjoni Maltija fil-pajjiż, il-laqgħa trattat ukoll opportunitajiet li jinteressaw lid-delegazzjoni tal-Oman f’Malta fosthom fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, il-qasam tas-saħħa, l-investiment barrani dirett, servizzi marittimi u dawk ta’ loġistika.

It-tieni laqgħa kienet seminar li fih ħa sehem Stephen Wong, id-Direttur Reġjonali tal-Kunsill ta’ Żvilupp tal-Kummerċ f’Hong Kong. Wong tkellem dwar similaritajiet bejn Malta u l-gżira-reġjun li minnha ġej u kif din hi differenti mill-bqija taċ-Ċina. Semma’ l-opportunitajiet fil-qasam tan-negozju li jistgħu jidħlu għalihom negozjanti Maltin jekk tinteressahom iċ-Ċina billi jaħdmu permezz ta’ Hong Kong.

Is-seminar kien indirizzat ukoll mid-Deputat President tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija u mid-Direttur Ġenerali tagħha, Kevin J. Borg.