Ekonomija Internazzjonali

Appoġġ lill-konferenza dwar id-dejn tal-Greċja

L-Irlanda indikat appoġġ lill-konferenza Ewropea dwar id-dejn u li kienet intalbet mill-partit Syriza tax-Xellug estrem, li x’aktarx jirbaħ l-elezzjoni ġenerali fil-Greċja.
Michael Noonan, il-Ministru għall-Finanzi tal-Irlanda, qal lil diversi ambaxxaturi Irlandiżi f’Dublin, li mhux se jwarrab l-idea li d-dejn tal-Greċja, tal-Irlanda, ta’ Spanja u tal-Portugall, ikun diskuss f’konferenza Ewropea dwar id-dejn.
Din hi l-ewwel darba li politiku Ewropew kien pubblikament favur l-idea, li kienet fiċ-ċentru tal-kampanja mmexxija minn Syriza u l-mexxej żagħżugħ tal-partit, Alexis Tsipras.
Tsipras ilu jappella għal konferenza Ewropea dwar id-dejn sabiex jelimina terz mid-dejn tal-Greċja, li, wara żewġ programmi internazzjonali ta’ salvataġġ għas-self, kien laħaq il-177 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku.