Il-pulizija Awstrijaka arrestat, għat-tieni darba, tifel adoloxxenti ta’ 14-il sena fuq suspett li jagħmel parti minn organizzazzjoni terroristika, li qed jippjana biex isiefer lejn is-Sirja u fuq suspett li qed jirriċerka dwar kif jibni l-bombi.
It-tifel minn provinċja fin-nofsinhar tal-Awstrija, kien arrestat għall-ewwel darba f’Ottubru iżda kien inħeles wara ftit jiem fuq kundizzjoni li jibqa’ f’kuntatt mal-awtoritajiet. Meta ommu rrappurtatu nieqes din il-ġimgħa, l-awtoritajiet ġeddew il-mandat għall-arrest.
Skont il-Ministeru tal-Intern Awstrijakk, madwar 170 persuna ħallew l-Awstrija sabiex jiġġieldu mal-estremisti fil-Lvant Nofsani. Iżda wħud minnhom inqatlu fil-ġlied.
Il-biża’ mill-attakki qed tiżdied fl-Ewropa wara li rġiel armati Iżlamiċi qatlu 17-il persuna f’Pariġi.
L-awtoritajiet Awstrijaċi qalu li t-tifel esprima simpatija mal-militanti tal-ISIS li qed jiġġieldu fis-Sirja u fl-Iraq, kif ukoll għamel riċerka fuq l-internet dwar kif jibni l-bombi.
Il-pulizija arrestat lit-tifel ta’ 14-il sena, li l-awtoritajiet qalu li hu ċittadin Tork, fi Vjenna llum, flimkien ma’ tifel ta’ 12-il sena li se jingħata lura lill-ġenituri tiegħu hekk kif m’hemm ebda mandat ta’ arrest kontrih.
Sadattant l-Awstrija kienet arrestat żewġt ibniet adoloxxenti wara li ppruvaw isiefru lejn is-Sirja sabiex jiżżewġu ġellieda tal-ISIS. Dawn, iżda, nħelsu u rritornaw mal-familji tagħhom.
//= $special ?>