Internazzjonali

FILMAT: Il-misteru tal-ħares f’nofs ta’ triq

Għalkemm ftit huma dawk li jemmnu fil-kuntatti mal-ispirti, filmat li qed jiċċirkola fuq l-Internet u li jingħad li juri l-hekk imsejjaħ ‘Blackburn Ghost’ qajjem interess enormi fost ir-residenti fir-Renju Unit.

Fil-fatt, dan il-filmat, li ilu jidher minn tmiem il-ġimgħa, ma damx biex jaqleb ‘viral’ u kien diġa rreġistra kważi nofs-miljun ‘views’ sal-lejl tal-Ħadd li għadda.

Ftit hemm spjegazzjoni dwar il-filmat, li ttieħed minn ġo karozza, fl-inħawi ta’ Blackburn (f’Lancashire) u li juri l-forma ta’ persuna ‘ħotbi’, liebsa l-abjad, ftit ‘il bogħod. Intant, is-sewwieq tal-karozza, mal-ħin, jipprova jitlaq waqt li r-‘ruħ’ tavviċinah. Fl-istess filmat, tinstama’ persuna minn ġol-karozza tgħajjat, bl-Għarbi’, ‘biex is-sewwieq jirriversja’ u biex ‘jgħaġġel u jfittex jitlaq minn hemm’.

Min-naħa tiegħu, Simon Entwistle, storiku u awtur residenti fi Blackburn, qal li r-‘ruħ’ f’dan il-video jista’ hu l-ispirtu ta’ qassis li kien inqatel, sekli ilu, f’Turton Tower.

Entwistle hu interessat ħafna fiż-żmien speċifiku tad-dehra, waqt li spjega li l-esekuzzjoni tal-qassis kienet seħħet f’Jannar tal-1643 ‘u li r-‘ruħ’ hi disposta biex tidher biss f’dan ix-xahar partikolari’.