Lokali

FILMAT: Tislima lil Chanelle Bezzina – żagħżugħa pożittiva u kuraġġuża

Bosta żgħażagħ dalgħodu qamu xxukjati, hekk kif semgħu l-aħbar tal-mewt ta’ Chanelle Bezzina, tfajla ta’ 22 sena li kienet qed tikkumbatti l-marda tal-kanċer u li rnexxielha tirbaħha, li iżda miet ħabta w sabta kmieni dalgġodu. Fuq Facebook huma bosta li qed ifaħħru l-karattru ferrieħi, determinat u ta’ isprirazzjoni ta’ Chanelle, li kienet ħadet l-aħbar li għandha kanċer f’sidirha sena u tliet xhur ilu.

Mill-informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li Chanelle għaddiet mill-operazzjoni u trattament neċessarju, tant li bdiet miexja ‘l quddiem. Madankollu, ħadet l-aħbar li l-marda reġgħet kienet qed toffri sfidi oħrajn erba’ xhur ilu.

Chanelle baqgħet kuraġġuża quddiem din l-isfida u bdiet turi x-xewqa li żżur Lourdes, fejn kienet mistennija li tmur is-Sajf li ġej. Fl-aħħar jiem, Chanelle kellha wkoll l-opportunità żżur Livigno. Hi qattgħet erbat ijiem hemm u ġiet lura Malta ilbieraħ fit-3pm.

Ħbieb ta’ Chanelle spjegawlna kemm kienet kuntenta lbieraħ u li qalet lill-familja tagħha li ħadet gost f’din iż-żjara f’Livigno. Iżda ftit wara, qaltilhom ukoll li bdiet tħossha mingħajr saħħa u l-familja ingħatat il-parir biex Chanelle tmur l-Isptar fejn imbgħad mietet dalgħodu fl-4am. Membri tal-familja tagħha qalulna li Chanelle mietet kawża ta’ blood clot, iżda jonqos ir-riżultat tal-awstopsja li se ssir għada.

Chanelle Bezzina 2Ivan Gaffiero, ħabib ta’ Chanelle, spjegalna li kienet persuna kuraġġuża li fl-aħħar ġimgħat anke ħadet sehem f’attività ta’ modelling u ngħatat it-titlu “Miss Simpatika Malta” (ritratt xellug). Spjegalna li waqt din l-attività nġabru fondi biex aktar tard din is-sena Chanelle tkun tista’ tmur Lourdes. Gaffiero qalilna wkoll li Chanelle qatt ma kienet titkellem dwar il-mewt, iżda kienet tħares lejn il-ħajja b’kuraġġ tant li kellha l-aspirazzjoni tibda tkanta.

Martina Fenech, ħabiba u sekonda-kuġina ta’ Chanelle u li wkoll issiltet mal-marda tal-kanċer, qaltilna li Chanelle kienet persuna pożittiva ħafna. Waqt telefonata ftit tal-jiem ilu qaltilha li “aħna żewġ ġellieda tal-familja”, b’referenza għall-ġlieda tagħhom it-tnejn kontra l-kanċer.