Lokali

FlyHermes investigata mill-aworitajiet tal-avjazzjoni tal-Italja

Il-kwistjoni tat-titjiriet kanċellati u d-dewmien fit-titjiriet tal-kumpanija tal-ajru FlyHermes, kumpanija Maltija ta’ familja minn Sqallija li bdiet topera fil-15 ta’ Diċembru li għadda, issa spiċċat qed tiġi investigata mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili fl-Italja, li skont rapporti fil-media Taljana kkomunikaw ukoll mad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Malta bħala parti mill-investigazzjoni tagħhom wara diversi lmenti li rċivew.

Hermes Aviation – l-isem li taħtu hi reġistrata l-kumpanija li topera t-titjiriet tal-FlyHermes – qed tirriskja li teħel sanzjonijiet qawwija li jistgħu jammontaw għal eluf ta’ ewro, hekk kif ir-regolatur fl-Italja qed jinvestiga diversi lmenti li daħlulu mingħand passiġġieri u anke mill-awtoritajiet tal-ajruport ta’ Palermo dwar is-servizz ħażin tal-linja tal-ajru, u l-mod kif ittrattat lill-passiġġieri li tħallew fil-għama dwar dak li kien qed jiġri.

L-akkuża prinċipali hi li FlyHermes qed tikser il-liġijiet Ewropej li jirregolaw l-istandards f’dan il-qasam minħabba l-mod kif inkisru d-drittijiet ta’ mijiet ta’ passiġġieri li fil-ġimgħat li għaddew, b’mod partikolari fi żmien il-festi tal-Ewwel tas-Sena u fil-weekend tal-Epifanija, spiċċaw iqattgħu sigħat twal f’diversi ajruporti fl-Italja u fi Sqallija wara li ma ngħataw l-ebda informazzjoni għalfejn it-titjiriet li kellhom jaqbdu ġew kanċellati jew kienu se jittardjaw.

Vito Riggio, il-President tal-ENAC (Ente Nazionale per l’Aviazione Civile), fi kliem ieħor l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Italja, wissa li jekk il-linja tal-ajru ma tiħux passi biex tirranġa s-sitwazzjoni u terġa’ tibda tipprovdi s-servizz kif mistenni minnha skont in-normi internazzjonali, tista’ saħanistra ma titħalliex topera aktar titjiriet lejn l-Italja.

Sa ftit ilu, FlyHermes kienet toffri titjiriet bi skeda bejn l-ajruport internazzjonali ta’ Malta u dak ta’ Turin fit-tramuntana tal-Italja, b’waqfiet f’Comiso u Palermo fi Sqallija. Dan permezz ta’ ajruplan wieħed tat-tip Boeing 737-400 li bih kienet qed tipprova tlaħħaq ma’ sitt titjiriet skedati fil-ġimgħa bejn l-erba’ ajruporti.

Madanakollu, minn meta bdiet topera, ftit li xejn kienu t-titjiriet li telqu fil-ħin, waqt li kien hemm titjiriet oħrajn skedati li ma sarux, inkella telqu tard – f’xi każi anke 48 siegħa wara l-ħin skedat.

Anke f’Malta, f’mill-inqas żewġ każi, wieħed fl-aħħar tas-sena u l-ieħor fi tmiem il-ġimgħa ta’ wara, passiġġieri tħallew l-art u kellhom isibu titjiriet oħra ta’ linji tal-ajru differenti biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Waqt li grupp ta’ żgħażagħ Maltin li marru jaraw partita futbol bejn Juventus u Inter f’Turin ukoll kellhom jiffaċċjaw l-istess problema wara li t-titjira lura lejn pajjiżna ġiet kanċellata.

Saħanistra l-ekwipaġġ tal-ajruplan ta’ FlyHermes li kien hawn f’Malta kellu jirritorna lejn Sqallija bil-Katamaran tal-Virtu Ferries lejn Pozzallo.

Dan kollu jseħħ filwaqt li l-passiġġieri ma jingħataw l-ebda pre-avviż, jew ġustifikazzjoni, bil-parti l-kbira tagħhom isiru jafu malli jaslu l-ajruport.

Imma l-agħar każ, u li kien dak li instiga l-investigazzjoni dwar l-operat ta’ FlyHermes, kien tat-titjira skedata għal Jum l-Epifanija minn Palermo lejn Turin, li telqet jumejn wara, bil-passiġġieri bbukkjati fuq l-ajruplan tal-FlyHermes, fosthom mara tqila, qattgħu jumejn fl-ajruport.

Dan il-każ saħanistra spiċċa quddiem il-Parlament Taljan fejn żewġ deputati tal-PD (Partito Democratico) għamlu mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Infrastruttura u t-Trasport dwar is-sitwazzjoni.

Huma talbuh jinvestiga jekk inkisrux id-drittijiet fundamentali ta’ 160 passiġġier, fosthom mara li qed tistenna tarbija, li l-ewwel qalulhom li t-titjira tagħhom se tittardja, imbagħad qalulhom li ġiet kanċellata, u wara saru jafu li ġiet skedata għal jumejn wara.

Fil-Kamra tad-Deputati tal-Italja, iż-żewġ deputati tal-Partit Demokratiku rreferew għall-investigazzjoni li diġà għaddejja min-naħa tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni Taljani u semmew li ntalbet il-koperazzjoni tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Malta. Talbu saħanistra li sakemm jitħabbar l-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet tiġi sospiża l-awtorizzazzjoni lil FlyHermes li ttajjar l-ajruplani tagħha.