Internazzjonali

Ftehim dwar ‘roadmap’ biex isalvaw il-Libja

L-entitajiet rivali involuti fil-konflitt tal-Libja ftehmu dwar roadmap intiż biex jitwaqqaf Gvern li jaħdem għall-għaqda fost il-poplu. Dan minbarra impenn min-naħat kollha rigward l-arranġamenti tas-sigurta neċessarji bl-iskop li ma jkomplux il-battalji fil-Libja.

L-iżvilupp kien possibbli wara jumejn ta’ taħditiet f’Ġinevra, fl-Iżvizzera. Id-djalogu qed jissemma bħala l-aħħar ċans tal-Libja biex ma tegħriqx f’anarkija totali — bid-delegati tal-gruppi rivali Libjani, issa, qed jieħdu sehem f’konsultazzjonijiet qabel, il-ġimgħa d-dieħla, jirritornaw għal taħditiet ġodda f’Ġinevra.

Il-Libja ilha tbati l-effetti tal-konflitt mindu tqaċċat ir-reġim tal-eks-dittatur, Muammar Gaddafi, waqt ir-rewwixta tal-2011. L-inkwiet, minn dak iż-żmien, ma naqasx, fost il-battalji – iddominati mill-gruppi tal-milizzji rivali — għall-kontroll tal-ibliet u ż-żejt fil-Libja.

Il-Gvern Libjan li jgawdi l-għarfien internazzjonali, xhur ilu, kellu jitlaq minn Tripli u jistabbilixxi s-sede fil-belt ta’ Tobruk. Dan wara li l-alleanza ‘taż-Żerniq Libjan’, magħmulha minn milizzji appoġġjati mill-Iżlamiċi, ħadet ir-riedni fil-kapitali u waqqfet l-amministrazzjoni tagħha. L-istess milizzji anki qed jikkontrollaw il-belt ta’ Misrata.

Intant, stqarrija tan-Nazzjonijiet Uniti kkonfermat ‘li l-parteċipanti f’Ġinevra qablu, wara djalogu intensiv, li jaħdmu fuq aġenda li tinkludi impenn lejn ftehim politiku għal Gvern Libjan ta’ għaqda nazzjonali bbażat fuq il-kunsens’. Sar ukoll aċċenn għall-arranġamenti tas-sigurta neċessarji biex jieqaf il-ġlied fil-Libja.

F’dawn it-taħditiet spikkat ‘ir-rieda sinċiera tal-parteċipanti biex jaslu fi ftehim’, bil-parteċipanti jappellaw għall-waqfien mill-ġlied li jippermetti klima ideali għal djalogu fil-Libja. Id-delegazzjonijiet tal-Libjani impenjaw ruħhom ukoll għal Libja magħquda u demokratika li, fost oħrajn, tibbaża fuq ir-rispett għal-liġi u d-drittijiet tal-bniedem.

Sadanittant, id-delegati Libjani rivali qalu li se jistinkaw għall-ħelsien ta’ persuni li spiċċaw f’idejn il-gruppijiet armati fil-Libja. Dan meta beħsiebhom anki ‘jippermettu u jipprovdu’ l-għajnuna umanitarja lir-reġjuni (tal-Libja) affettwati mill-kaos.