Ambjent Lokali

Ħajja ġdida għal tlett’iklieb li damu jiem maqbuda fir-Renju Unit

Tintemm b’wiċċ il-ġid l-istorja ta’ tlett’iklieb li kienu maqbuda fir-Renju Unit wara żball loġistiku żgħir fil-karti tagħhom. Dan hekk kif il-veterinarju inkarigat mill-każ ta permess li l-klieb jitħallew imorru għand is-sidien ġodda tagħhom.

Il-klieb, Lola, Milo u Rosa jidher li draw mill-ewwel l-ambjent tagħhom minkejja li għadhom xi ftit imbeżża’ wara li qattgħu jiem sħaħ fi kwarantina.

L-iżvolta fil-każ waslet wara sigħat twal ta’ kuntatti bejn Malta u l-Ingilterra bejn il-Malti li salva dawn il-klieb fi Sqallija u l-awtoritajiet Ingliżi.

F’kummenti li ta lil Maltarightnow, hu xtaq jirringrazzja lil kull min kien ta’ għajnuna. “Li kieku ma kienx għal dawk kollha li għenu, il-kont kien kiber wisq biex inkunu nistgħu naffordjawh.”

Dwar dawn il-klieb inħoloq grupp fuq Facebook, The3fromSicily, bl-għan li jinġaru l-aħħar ftit flus li għad fadal biex jitħallsu l-kontijiet.

Iktar kmieni: Fl-aħħar sigħat numru ta’ attivisti Maltin favur id-drittijiet tal-annimali ngħaqdu flimkien u bdew jiġbru donazzjonijiet wara li att ta’ karita’ minn Malti li għandu kummerċ fi Sqallija wassal għal kont ta’ spejjeż sostanzjali.

Dan il-Malti, li jmexxi agroturiżmu fi Sqallija, matul is-snin salva numru ta’ klieb, qtates u saħansitra żwiemel li kienu abbandunati. Fl-aħħar jiem kelba li salva mit-triq ftit iktar minn sena ilu, u li ngħatat l-isem ta’ Bandita, welldet tlett’iklieb; Lottie, Milo u Rosa. Il-kelba kienet instabet fi stat ħażin ħafna u fi Sqallija hu diffiċli li l-klieb jissewwew għaliex m’hemm il-faċilitajiet bħal f’pajjiżna.

Ġara li xi klijenti Ingliżi raw dawn il-klieb, li llum għandhom erba’ xhur u nofs, u xtaqu jadottawhom. Kien għalhekk li l-Malti ddeċieda li jħallas l-ispejjeż kollha biex ikun ċert li l-klieb isibu kenn u futur aħjar.

Imma żball żgħir loġistiku fid-dokumenti tal-klieb wassal biex il-klieb ġew rifjutati li jiddaħħlu fir-Renju Unit bl-ispejjeż dejjem jiżdiedu u l-klieb miżmuma fi kwarantina. S’issa l-ispejjeż diiġa’ telgħu għal somma sostanzjali u jistgħu jiżdiedu għaliex hemm spiża ta’ kull ġurnata li jinżammu kif ukoll biex isiru passaporti ġodda għall-klieb.

Teżisti wkoll il-possibilta’ li l-klieb jingħataw ħajja ġdida f’Malta imma biex dawn il-klieb jiddaħħlu f’pajjiżna, hemm bżonn spiża oħra kbira.