Fil-Ġermanja, il-prezz tad-diesel niżel għal €0.99 f’xi pompi tal-petrol fl-istat ta’ Schleswig Holstein.
Bil-prezzijiet dinjija taż-żejt jinżlu kontinwament f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-klabb Ġermaniż tal-karozzi ADAC ikkalkula li l-prezzijiet se jinżlu aktar ’l isfel.
Matul il-ġimgħa li għaddiet, is-sewwieqa fil-Ġermanja ħallsu l-medja ta’ €1.275 għal kull litru ta’ Super E10. Sa nhar l-Erbgħa li għadda, dik iċ-ċifra niżlet għal €1.262.
Bis-saħħa tal-waqgħa kbira fil-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet, prezzijiet rekord tal-petrol fl-2012 ta’ €1.70 huma biss xi ħaġa tal-passat. L-aħħar darba li d-diesel sewa anqas minn €1 madwar id-dinja kien f’Marzu tal-2009.
Sadattant, bil-prezzijiet taż-żejt dejjem niżlin l-industriji, li għalihom il-fuel hu spiża diretta u sinifikanti, se jkunu qed jaraw effett pożittiv minn prezzijiet imraħħsa taż-żejt.
Linji tal-ajru, tat-tbaħħir u l-ikel fil-pakketti huma fost is-setturi tan-negozju li se jibbenefikaw minn ħafna mill-prezzijiet baxxi taż-żejt, filwaqt li s-servizzi tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt kif ukoll setturi dwar is-servizzi minn bjar taż-żejt, se jbatu l-konsegwenzi tal-kollass.
IL-ĠERMANJA: Id-diesel qed jinbiegħ b’anqas minn ewro
