Lokali

IL-ĠURNALI DALGĦODU

Ħarsa lejn il-gazzetti li ħarġu llum il-Ġimgħa, 16 ta’ Jannar.

THE TIMES OF MALTA illum tieħu l-kummenti tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit dwar il-każ John Dalli. Zammit jattakka lill-Ispettur Angelo Gafa’, u jgħid li Gafa’ qed ikun suġġettiv meta jinsisti li Dalli kellu jitressaq il-Qorti fuq il-każ li wassal għar-riżenja tiegħu minn Kummissarju Ewropew.

L-istess ġurnal jirrapporta illi s’issa mal-400 persuna applikaw fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

IN-NAZZJON jirrapporta illi l-Gvern neħħa lid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, filwaqt illi f’artiklu separat naqraw li l-kumpanija tal-ajru Fly Hermes qed tiġi investigata mill-awtorita’ tal-avjazzjoni fl-Italja.

L-istorja ewlenija f’L-ORIZZONT toħodna f’Għawdex, bil-ġurnal qed jgħid li għad hemm €40,000 dejn fuq il-proġett li kien sar fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Victoria.

THE MALTA INDEPENDENT b’aħbar illi tikkonferma li d-deputat laburista Marlene Farrugia se tivvota kontra l-kaċċa fir-referendum ta’ April li ġej.