Lokali

Il-Gvern ineħħi lid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali

Bord immexxi mill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar iwarrab l-esperjenza ta’ Noel Vella, u ma jġeddidlux il-kuntratt

Fl-eqqel ta’ kontroversja li għaddejja bħalissa wara li l-Gvern qabad u – mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali – biddel il-mod kif issir il-verifika biex union tingħata l-għarfien trejdunjonistiku fuq post tax-xogħol, biex dan il-proċess issa mhux se jibqa’ jsir mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali kif stipulat bil-liġi, dan il-ġurnal jista’ jiżvela li l-Gvern se jkun qed ineħħi lill-istess Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali Noel Vella mill-kariga.

‘In-Nazzjon’ għandha l-konferma li Vella, b’esperjenza ta’ għaxar snin f’din il-kariga u persuna magħrufa għall-integrità, il-professjonalità u l-imparzjalità li wriet kemm ilha fit-tmexxija tad-Dipartiment, mhux se jiġġeddidlu l-kuntratt meta dan jiskadi fl-aħħar ta’ Marzu li ġej.

Jirriżulta li ftit ilu Noel Vella ġie msejjaħ, kif jiġri kull tliet snin fil-każ ta’ kull Direttur taċ-Ċivil, biex jidher quddiem il-Bord tal-Għażla mmexxi mill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, għax kien wasal iż-żmien li l-kuntratt tiegħu jiġi mġedded.

Madanakollu, mingħajr ma ngħatat l-ebda raġuni valida, jidher li Vella kien infurmat li mhux se jerġa’ jiġi appuntat fil-kariga wara 10 snin fit-tmexxija ta’ dan id-Dipartiment.

Skont sorsi li tkellmu magħna, Vella la kellu problemi ma’ Helena Dalli, bħala l-Ministru li jaqa’ taħtha, u lanqas ma’ Cutajar, u għalhekk mhux magħruf x’wassal biex il-kuntratt tiegħu se jiġi terminat.

Li hu żgur hu li b’din id-deċiżjoni mhux mistennija, il-Gvern se jkun qed iwarrab persuna b’esperjenza twila f’dan il-qasam anke jekk jidher li s’issa min se jeħodlu postu għadu ma ntagħżilx, minħabba li mill-informazzjoni li għandu dan il-ġurnal, il-Bord għadu ma sabx sostitut denju u għalissa ma għażel lil ħadd minfloku.

Rappreżentanti tat-trejdunions f’pajjiżna dejjem raw f’Noel Vella persuna li għarfet taqdi b’mod imparzjali d-doveri tagħha f’qasam sensittiv bħalma huwa dak tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali.

‘In-Nazzjon’ hi nfurmata li Vella diġà ġie nfurmat uffiċjalment li mhux se jkunu qed iġeddulu l-kuntratt, u mill-bidu t’April se jirritorna lura fl-impjieg li kellu qabel mas-settur pubbliku.

Mhux magħruf jekk id-deċiżjoni li jitneħħa Noel Vella itteħditx qabel faqqgħet il-kwistjoni dwar il-verifika tal-għarfien trejdunjonistiku li fl-aħħar jiem qanqlet botta u risposta bejn il-unions u min iħaddem minħabba nuqqas ta’ qbil fuq il-mod kif dan il-proċess inbidel mill-Ministru Helena Dalli, li minkejja li hi responsabbli mid-Djalogu Soċjali, ftit li xejn iddjalogat ma’ dawk konċernati fit-teħid tad-deċiżjoni li dan ix-xogħol issa jibda jsir minn Kumitat appuntat minnha.

Id-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali huwa wkoll ir-Reġistratur tat-Trejdunions f’pajjiżna, u għalhekk dan il-proċess kien jaqa’ taħtu, bil-liġi tagħtih il-jedd li jsolvi kwistjonijiet relatati ma’ dan is-suġġett.

Imma issa, dak li qabel kienu jagħmluh l-uffiċjali tiegħu, se jibda jsir minn persuni li appunta l-Gvern, u li qed jgħid li huma ‘indipendenti’.

Filwaqt li l-Gvern s’issa għadu ma ħabbarx uffiċjalment dawn il-persuni min huma, f’ittra li ntbagħtet fil-11 ta’ Diċembru lill-unions u l-korpi kostitwiti, tħabbar lihom li l-bord ‘indipendenti’ li issa se jkun inkarigat minn dan il-proċess se jkollu bħala Chairpersons lil Charles Cassar u Charmaine Cristiano Grech.

Charles Cassar huwa eks-Segretarju ta’ waħda mit-taqsimiet tal-General Workers’ Union (GWU) u Cristiano Grech, li wkoll kienet impjegata tal-GWU, tiġi l-mara ta’ Roberto Cristiano, is-Sindku Laburista tal-Gżira li wkoll kien uffiċjali tal-GWU fil-passat. Illum Roberto Cristiano hu uffiċjal għoli fl-Air

Malta appuntat minn dan il-Gvern wara li ftit ilu rriżenja minn kariga li wkoll kien appuntat fiha wara l-aħħar elezzjoni, fl-Enemalta.

Kemm Charles Cassar kif ukoll Charmaine Cristiano Grech imexxu wkoll it-Tribunal Industrijali – kariga li fiha kienu nominati mill-General Workers’ Union (GWU).

Hemm min qed jistaqsi jekk dan jistax jammonta għal kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li filwaqt li fil-kapaċità tagħhom bħala Chairpersons tal-Kumitat tal-Verifika għandhom d-dmir li jiddeċiedu fuq liema union ikollha l-maġġoranza, min-naħa l-oħra, bħala Chairpersons tat-Tribunal, iridu jiddeċiedu kwistjonijiet li jinqalgħu bejn l-istess unions, inkella bejn il-unions u l-
management.

Sors li tkellem magħna ġabilna bħala eżempju x-xenarju ta’ verifika bejn żewġ unions fejn jiġi deċiż li l-proċess kien ivvizzjat u ġew intimidati l-ħaddiema min-naħa ta’ xi waħda mill-unions. Dan iwassal biex il-każ jispiċċa quddiem it-Tribunal Industrijali biex jiddeċiedi hu, u hemmhekk il-unions isibu quddiemhom bħala Chairman tat-Tribunal lill-istess persuna li tkum mexxiet il-proċess tal-verifika bħala Chairman tal-Kumitat.

Mistoqsija oħra li qed tqum hi jekk dawn it-tnejn għadhomx membri fil-union li kienu jaħdmu magħha, jew humiex membri f’xi union oħra, u jekk iva, kemm allura jistgħu jkunu indipendenti verament meta jiġu biex jagħżlu liema union għandha l-maġġoranza f’xi post tax-xogħol.

Dan kollu jistona iktar għax, ironikament, kienet proprju kwistjoni dwar is-sħubija tal-uffiċjali tad-Dipartiment tax-Xogħol fi trejdunion li wasslet biex il-proċess tal-verifika jitneħħa minn taħt ir-responsabbiltà ta’ dan id-Dipartiment.

Fil-fatt, dan seħħ minħabba li l-uffiċjali tad-Dipartiment talbu li jkunu rappreżentati minn union kif inhu dritt tagħhom, u din it-talba ntlaqgħet.

Riżultat ta’ dan, ir-Reġistratur tat-Trejdunions indika li hu ma setax ikompli bil-proċess tal-verifika minħabba li setgħu jitqajmu kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess.

Għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi appuntat panel, suppost indipendenti, biex jieħu ħsieb hu t-talbiet għal rikonoxximent trejdunionistiku. Skont il-Gvern kellha tiddaħħal din is-sistema ġdida b’mod immedjat għax hemm numru ta’ talbiet urġenti għal rikonoxximent li jridu jiġu proċessati.

Dan qanqal reazzjoni qawwija b’mod partikolari mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) li akkużat lill-Gvern li minflok biddel l-uffiċjali tad-Dipartiment konċernat – li kellha tkun is-soluzzjoni ovvja – qabad u ħa deċiżjoni unilaterali li jneħħi kompletament minn taħt idejn id-Direttur tax-Xogħol u d-Dipartiment tiegħu r-responsabbiltà tal-verifika, biex minflok ħatar organu separat għal din il-biċċa xogħol.

L-MEA qalet li b’dan il-mod perikoluż il-Gvern qed jilgħab mal-liġi għax dan il-proċess li bil-liġi hu regolat mir-Reġistratur tat-Trejdunions inbidel mingħajr ma din il-bidla ġiet diskussa mal-imsieħba involuti. Preċedent li jista’ jkollu konsegwenzi, qalet l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem.