Il-ħaddiema tal-Enemalta qed jesiġu għal kull informazzjoni dwar il-futur tagħhom, hekk kif qed tikber il-pressjoni biex il-Gvern ikun aktar trasparenti fil-mod kif se jkunu privatizzati diversi setturi ta’ din l-entità. Sorsi infurmati qalu lil MaltaRightNow.com li saret laqgħa għal diversi ħaddiema tal-Enemalta, li fiha l-Uffiċjali tal-General Workers Union kienu ppressati jispjegaw is-sitwazzjoni kollha.
Dan hekk kif il-ħaddiema qed jinsistu li tkun imwettqa l-wegħda elettorali Laburista magħmula lilhom, li ma jkollhomx tnaqqis fit-take home pay. Għall-ħaddiema tal-Enemalta, it-take home pay hi differenti mill-paga għax tinkludi wkoll l-allowances tal-Ħdud u l-Festi li jaħdmu l-ħaddiema.
Madankollu, jidher li qed isir tentattiv politiku biex tingħata l-impressjoni li l-wegħda elettorali ma kinitx marbuta mat-take home pay iżda mal-paga minima. Dan qed iġib diżgwid fost il-ħaddiema tal-Enemalta, li qed isostnu li l-wegħda elettorali kienet marbuta mat-take home pay.
Il-ħaddiema tal-Enemalta jridu wkoll garanziji li mhux se jkun hemm tnaqqis fosthom, minħabba li qed jingħad li fil-proċess tal-ewwel fażi jistgħu jitlifu posthom madwar 160 ħaddiem. Jidher li l-ħaddiema qed jistaqsu jekk il-kumpanija Ċiniża hux se ġġib il-ħaddiema barranin magħha fil-proċess ta’ bidla għall-gass u jekk it-Taqisma tal-Ġenerazzjoni hux se jibqa’ jkollha bżonn l-impjegati kollha Maltin li hemm bħalissa meta jsiru r-riformi kollha.
//= $special ?>