Kull ġimgħa qed jinġabru ċifri min-Nazzjonijiet Uniti li juru li każijiet ġodda tal-marda qerrieda tal-Ebola fit-tliet pajjiżi l-aktar milquta fil-Punent tal-Afrika, qed jonqsu.
Sierra Leone u l-Guinea rreġistraw l-inqas total kull ġimgħa ta’ każijiet konfermati tal-Ebola minn Awwissu.
Il-Liberja, li ma rrappurtat ebda każ ġdid f’jumejn matul il-ġimgħa li għaddiet, irrappurtat l-inqas total kull ġimgħa minn Ġunju.
Ir-rata tal-imwiet mill-virus tal-Ebola laħqet iċ-ċifra ta’ 8,429, b’21,296 każ s’issa.
Skont l-aħħar rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-Guinea, il-Liberja u Sierra Leone issa lkoll għandhom il-kapaċità suffiċjenti biex jidfnu n-nies kollha li mietu bl-Ebola.
Iżda l-WHO qalet li rapporti mhux konfermati tal-imwiet ifissru li mhux id-dfin kollu kien sar kif suppost.
Filwaqt li l-każijiet qed jonqsu fi Sierra Leone, il-pajjiż baqa’ l-aktar wieħed effettwat, b’zoni fil-Punent għadhom qed jirrappurtaw trasmissjonijiet ġodda tal-marda. Matul il-ġimgħa li għaddiet, kien hemm 59 każ ġdid li ġew rappurtati fil-kapitali Freetown.
Aktar kmieni matul dan ix-xahar, Anthony Banbury, li kien il-kap tat-tim min-Nazzjonijiet Uniti li ġġieled l-Ebola, qal li hu jemmen li każijiet tal-virus se jinġiebu fix-xejn lejn tmiem din is-sena.
Il-każijiet ta’ Ebola qed jonqsu
