Internazzjonali Kurżitajiet

Joqtol raġel u jibqa’ jgħix mal-katavru għal aktar minn tliet xhur

Il-pulizija Awstrijaka arrestat raġel Ġermaniż ta’ 52 sena fi Vjenna talli qatel persuna li kien qed jaqsam appartament miegħu, b’mannara.

It-taqsima speċjalizzata WEGA tal-pulizija Awstrijaka sabet katavru fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni li għad irid jiġi identifikat, bil-mannara li kienet imdeffsa fil-ġisem tal-vittma u mgħotti b’kutra.

Skont il-pulizija, l-appartament kien maħmuġ għal kollox, iżda kien għadu jospita lis-suspettat, li hu maħsub li għex mal-katavru għal madwar tliet xhur u nofs.

Ir-raġel suspettat ċeda, bla ebda konfront, fil-kamra tas-sodda.

Filwaqt li l-pulizija m’għandhiex konferma dwar l-identità tal-katavru, hi tissuspetta li ħaddiem immigrant ta’ 50 sena mill-Polonja, li kien qed jaqsam l-appartament, spiċċa vittma wara xi tilwima.

Paul Eidenberger, kelliem għall-pulizija, qal li r-raġel suspettat kien qed jgħix ma’ħabib, u kien ilmenta li ma setax jorqod fl-appartament tiegħu stess minħabba l-katavru. Il-ħabib qal lil ħabib ieħor, li tant ħassu disturbat li kkuntattja lill-għassa tal-pulizija f’Ottakring.

Skont persuna li tafu, is-suspettat Ġermaniż kien qed ibati minn marda mentali serja.