Lokali

Kandidat Laburista jgħid li l-Gvern “għandu jwarrab” jekk mhux kapaċi jipproteġi lill-poplu

“Jekk il-Gvern mhux kapaċi jipproteġi u joffri sigurtà lill-poplu li tah il-fiduċja għandu jwarrab”. Hekk iddikjara l-kandidat Laburista Robert Henry Bugeja fuq Facebook dwar storja ta’ barrani li nqabad fil-fatt minn Pulizija meta kien se jistupra tfajla f’Paceville.

Bugeja mhuwiex ġdid għal dikjarazzjonijiet kontroversjali fuq Facebook. F’Novembru li għadda, il-kandidat Laburista kien għadda kummenti razzisti u kontra attività organizzata mill-President ta’ Malta b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Dakinhar hu kien ippubblika ritratt ta’ dgħajsa mimlija b’immigranti rregolari, b’Bugeja jsejħilha “iċ-Charity Ride tal-President”. Hu kien appella wkoll lil dawk li jsegwuh fuq Facebook biex ma jappoġġjawx l-Istrima għax il-President Marie Louise Coleiro Preca “qed tisforza lill-Maltin jintegraw mal-immigranti Afrikani”.

Iżda minkejja l-kontroversja li kienet inqalgħet dakinhar, u li kienet wasslet ukoll għal kundanna minn numru ta’ persuni u għaqdiet, il-Partit Laburista kien ħalla lil Robert Henry Bugeja jikkontesta għall-elezzjoni każwali wara li tbattal il-post ta’ Karmenu Vella fil-Parlament.

Minkejja li ħallieh jikkontesta l-elezzjoni każwali, dakinhar kelliem għall-Partit Laburista kien qal li dak li kiteb Bugeja mhijiex il-pożizzjoni tal-partit. Għaldaqstant, wieħed jistaqsi jekk anke fil-kumment li għadda fil-jiem li għaddew fuq Facebook, il-Partit Laburista hux se jkun qed jerġa’ jiddefendi jew jikkundanna lill-kandidat tiegħu.