Il-politika tal-Gvern fl-aħħar sentejn li jnaqqas b’mod konsistenti l-fondi għall-Kunsilli Lokali bdiet tħalli l-konsegwenzi tagħha għall-fatt li numru ta’ Kunsilli qed ikollhom djun akbar u qed jinġiebu f’sitwazzjoni mhux sostenibbli.
Dan jirriżulta fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, li jispeċifika li 27 Kunsill mis-86 madwar Malta u Għawdex qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji serji. Barra minhekk, u b’mod aktar inkwetanti, ir-rapport jispeċifika wkoll li fl-2013 kien hemm aktar Kunsilli Lokali li rrappurtaw li għandhom problemi finanzjajri serji.
Din is-sitwazzjoni hi waħda diffiċli, tant li 25 Kunsill Lokali ddikjaraw li għandhom problemi kbar ta’ likwidità minħabba working capital balance negative. Jirriżulta li fost il-Kunsilli Lokali qed jiffaċċja problemi finanzjarji kbar hemm dak ta’ San Pawl il-Baħar, li minn tmexxija Nazzjonalista għadda għal tmexxija Laburista.
Filwaqt li fi żmien tmexxija Nazzjonalista, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien jitmexxa b’mod sostenibbli, taħt tmexxija Laburista dan il-Kunsill għandu żbilanċ ta’ aktar minn €400,000 sal-aħħar tal-2013. Jirriżulta li d-defiċit tal-2012 ammonta għal kważi €64,000.
Kunsill ieħor bi tmexxija Laburista li jinsab wara l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar hu dak ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn il-currentt liabilities qabżu l-current assets b’€1.3 miljun. Din is-sitwazzjoni ġabet problemi kbar ta’ likwidità f’dan il-Kunsill bi tmexxija Laburista.
Minbarra l-Kunsilli Lokali bi tmexija Laburista f’San Pawl il-Baħar u Ħaż-Żebbuġ, jirriżulta li anke fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara hemm sitwazzjoni diffiċli wara li dan beda jitmexxa minn maġġoranza Laburista. Mill-2012 għall-2013, in-negative working capital spara ‘l fuq sa kważi €1 miljun, filwaqt li d-defiċit tal-Kunsill Lokali Laburista ta’ Birkirkara naqas b’€50,000.
Kuntrarjament għall-problemi fil-Kunsilli Lokali mmexxija mill-Partit Laburista, fil-Kunsill Lokal tal-Mosta, li hu mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, is-sitwazzjoni finanzjarja marret għall-aħjar tant li l-Kunsill irnexxielu jdawwar telf ta’ €200,000 f’surplus ta’ €170,000.
//= $special ?>