Fl-omelija tiegħu fl-okkażjoni tad-depożizzjoni tal-kuluri l-antiki tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles J Scicluna awgura lill-membri tal-armata Maltija biex il-missjonijiet li twettaq ikunu dejjem għall-ħarsien tad-dinjità ta’ kull persuna umana, hi min hi, ta’ liema reliġjon, kulur tal-ġilda jew razza hi.
Waqt li qabbel lill-Forzi Armati ta’ Malta ma’ David fil-battalja bejn David u Gulija, l-Isqof Scicluna semma’ x-xogħol imwettaq fl-ibħra madwar Malta biex jiġu salvati ħajjiet in-nies mitluqa għad-destin tagħhom. Iddeskriviha bħala “battalja ta’ eżerċtu żgħir kontra diffikultajiet ġganteski” waqt li talab il-barka qawwija t’Alla biex minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-llimitazzjonijiet tar-riżorsi Maltin, ma jaqtgħux qalbhom u jagħtu sehemhom fil-battalja favur is-solidarjetà.
Fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, iktar kmieni llum, saret il-quddiesa li matulha l-kuluri qodma tal-FAM, li kienu ġew ikkonsagrati fl-1988, ġew depożitati. Issa se jingħaqdu ma’ kuluri u emblemi oħrajn tal-FAM li ntużaw fl-aħħar 160 sena.
L-Isqof Scicluna qal li hu att ta’ fidi l-fatt li l-membri tal-Forzi Armati kienu jinsabu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann dalgħodu. Appellalhom biex kontinwament ifittxu l-ħarsien tal-Mulej u jirrikorru għas-sagramenti. Fl-istess ħin, irringrazzjahom għal dak li jagħmlu għall-ħarsien ta’ Malta u tad-demokraziija, “li hi pedament tar-Repubblika ta’ Malta”.
F’ċerimonja separata, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppreżentat ċertifikati tal-kummissjoni tal-fizzjali lil 16-il uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-President ta’ Malta ddeskriviet lill-armata bħala waħda li “turi qlubija kbira” waqt li saħqet li l-pajjiż hu kburi bihom minħabba l-ħidma kbira li jwettqu.
Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, tkellem fuq l-obbligi u s-sens ta’ tmexxija u dixxiplina li r-rwol ġdid iġib miegħu. Appellalhom biex ikunu kburin bl-uniformi li jilbsu.
L-uffiċjali li ngħataw iċ-ċertifikat huma l-Kaptan Aldo Borg, il-Kaptan Joseph Magri, il-Logotenent Francis Xavier Scifo, il-Logotenent Mark Anthony Brincat, il-Logotenent Brian Gatt, il-Logotenent Loreto Spiteri Louis, Il-Logotenent Ivan Marmara, il-Logotenent Edwin Sciberras, is-Sotto-Logotenent Keith Grixti, is-Sotto-Logotenent Joseph Paul Zammit, is-Sotto-Logotenent Andrew Zammit, is-Sotto-Logotenent Maverick Scerri, is-Sotto-Logotenent Joseph Aquilina, is-Sotto-Logotenent Jean Carl Abdilla, is-Sotto-Logotenent Keith Marshall u s-Sotto-Logotenent Christian Francica.
//= $special ?>