Edukazzjoni Lokali

Studenti fl-ITS jisħqu li s-sitwazzjoni sejra dejjem għall-agħar

Studenti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) qed jilmentaw pubblikament li s-sitwazzjoni fl-istitut sejra mill-ħażin għall-agħar.

Fi blog onlajn, l-istudenti qed jgħidu li kollox beda mal-bidla tal-Kap Eżekuttiv tal-Istitut, iġifiri meta nħatar Henry Mifsud.

Skont huma, l-ewwel riżultati negattivi kienu l-bidliet fis-sillabu “li l-parti l-kbira tal-istudenti joġġezzjonaw għalihom”. Isemmu fost l-oħrajn iż-żieda ta’ suġġetti li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-kors li qed isegw, fosthom is-suġġett “Kultura Maltija”, li skont huma hu reviżjoni tal-Istudji Soċjali li jkunu għamlu fil-Primarja, u li hu ta’ bil-fors għal min qed isegwi kors tal-Kċina.

Isemmu fost l-oħrajn il-livell baxx tal-Ingliż f’dik li suppost hi skola li l-ilsien primarju tagħha hu l-Ingliż, u l-imġieba “mhux professjonali” ta’ xi għalliema part-time.

Isemmu li wara protesti kontra l-iskola u l-pubblikazzjoni ta’ artiklu, il-Kap Eżekuttiv Henry Mifsud laqqa’ lill-istudenti biex “suppost” isemmgħu l-ilmenti tagħhom. Madankollu jgħidu li l-Erbgħa ta’ wara, fil-5 ta’ Novembru, l-istudenti għamlu protesta spontanja fiċ-ċentru fejn gruppi kbar bdew ikantaw “slogans derogatorji kontra l-Istitut”.

L-istudenti jgħidu li b’reazzjoni għal dan kollu, it-tweġiba tal-Kap Eżekuttiv kienet li l-istudenti għandhom problema ta’ attitudni. Jgħidu wkoll li b’ton aggressiv, il-Kap Eżekuttiv qalilhom “Intom ma tafux jien min jien”.

Jgħidu li wara dan l-inċident, li fih esprimew l-inkwiet tagħhom dwar il-programm ta’ studju, l-istudenti qed jispiċċaw taħt skrutinju. Skont huma, qed jiġu adottati tattiċi li permezz tagħhom studenti li jidħlu fl-iskola mingħajr il-blazer jiġu rrappurtati waqt li qed jitqiegħdu invigilators apposta biex josservaw l-imġieba tal-istudenti waqt li jkunu fil-kampus.

L-istudenti qed jgħidu li din is-sitwazzjoni qed iddejjaqhom ħafna u sadattant ma ġara xejn biex l-interessi tal-istudenti jiġu mħarsa.