Ewropa Internazzjonali

AĠĠORNAT – Terroriżmu: Aktar rejds madwar l-Ewropa

Il-mezzi tax-xandir Ġermaniżi qed jirrapportaw li matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, Pulizija ta’ kontra t-Terroriżmu qed iwettqu diversi rejds f’Berlin u saru xi arresti. Jidher li dan hu marbut mal-aħħar żviluppi fi Franza u l-Belġju.
Il-pulizija fi Franza arrestat 12-il suspettat f’Pariġi wara l-attakki tal-ġimgħa li għaddiet fil-kapitali Franċiża li ħallew 17-il persuna mejta.
Dawn qed ikunu interrogati dwar “appoġġ loġistiku possibbli”, bħalma huma armi jew vetturi, li setgħu taw lit-tliet irġiel armati.
Il-vjolenza tal-ġimgħa li għaddiet bdiet b’attakk minn żewġ irġiel armati fuq il-kwartieri tar-rivista satirika Charlie Hebdo, u li ħalla 12-il persuna mejta. Ġurnata wara, fit-8 ta’ Jannar, pulizija mara nqatlet mit-terrorista Amedy Coulibaly waqt li marret tistħarreġ inċident tat-traffiku fin-Nofsinhar ta’ Pariġi.
Erba’ persuni oħra li nżammu ostaġġ minn Coulibaly inqatlu fid-9 ta’ Jannar meta l-pulizija assaltaw supermarket Lhudi. Coulibaly inqatel mill-pulizija. Il-pulizija wkoll qatlu liż-żewġ irġiel armati responsabbli mill-attakk fuq Charlie Hebdo – Said u Cherif Kouachi – ‘il barra minn maħżen qrib Pariġi.
Fl-aħħar żviluppi, l-istazzjon tal-ferrovija Gare de l’Est f’Pariġi lbieraħ kien evakwat għal siegħa minħabba theddida ta’ bomba.
L-awtoritajiet Franċiżi qali li madwar 120,000 pulizija u suldat issa huma mobilizzati madwar Franza u li pjani kontra t-terroriżmu jibqgħu fis-seħħ.