Il-vettura spazjali ‘Beagle 2’ li kienet intilfet, instabet sħiħa fuq wiċċ il-Pjaneta l-Ħamra – il-pjaneta Mars.
Ritratti ċari ħafna li nġibdu mill-ispazju identifikaw il-post fejn din il-vettura spazjali kienet niżlet, u jidher li għadha sħiħa.
Din il-vettura spazjali, li l-missjoni tagħha fl-ispazju kienet immexxija mir-Renju Unit, ippruvat tinżel fuq il-pjaneta Mars fil-Milied tal-2003, permezz ta’ paraxut u airbags iżda qatt ma sar kuntatt bir-radju mal-vettura.
Diversi xjenzjati assumew li din kienet inqerdet f’impatt li kellu veloċità qawwija.
Ir-ritratti l-ġodda, li nkisbu min-NASA, taw indikazzjoni ta’ x’ġara eżattament fil-missjoni Ewropea. Ir-ritratti wrew li s-sistema abbord il-vettura ma ħadmitx sew.