Ekonomija Ewropa

Tnaqqis fil-prezzijiet tal-lukandi jista’ jixpruna t-turiżmu

L-eluf li ffissaw is-safar bħala ‘r-riżoluzzjoni tagħhom għall-2015’ żgur huma kuntenti bit-tnaqqis drammatiku fil-prezzijiet tal-lukandi fid-diversi destinazzjonijiet popolari tal-Ewropa.

Fil-fatt, hemm il-każi fejn il-prezzijiet tal-lukandi niżlu sal-aktar livell baxx mill-2010-11 ‘il hawn. Dan meta kelliema għal ‘Trivago’ qalu li l-prezz tal-akkommodazzjoni f’21 fost il-50 l-aktar bliet (Ewropej) imfittxa niżel għal livell rekord.

Dawn jinkludu bliet prinċipali bħal Ruma, Berlin, Edinburgh u Barċellona — minbarra d-destinazzjonijiet Skandinavi ewlenin, fosthom Stokkolma, Copenhagen u Oslo.

Għal dan ix-xahar, persuna tista’ tibbukkja kamra f’lukanda ta’ Ruma għall-ekwivalenti ta’ 78 lira Sterlina għal kull lejl. L-akkommodazzjoni f’Berlin (sal-aħħar tax-xahar) hi jerġa’ anqas — b’kamra ta’ lukanda tiswa l-ekwivalenti ta’ 68 lira Sterlina.

U waqt li xi destinazzjonijiet qed jippromwovu ‘l-anqas prezzijiet tal-lukandi tul dawn l-aħħar erba’ snin’, numru ta’ destinazzjonijiet oħra qed jistabbilixxu l-aktar prezzijiet baxxi fi tnax il-xahar għat-turisti.