Lokali

Barranin jinstabu fi stat ħażin waqt rejd f’Ħal Far

Se jintbgħatu lura lejn l-Italja

Tmien persuni ta’ nazzjonalita’ barranija instabu fi stat ħażin waqt rejd f’Ħal Far għall-ħabta tas-6:30 ta’ filgħodu mill-Pulizija tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni. Il-barranin ġew f’Malta bl-ajru b’mod legali u regolari, bid-dokumenti maħruġa mill-Italja u Spanja.

Il-Pulizija tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni qed tagħmel arranġamenti biex dawn il-barranin imorru lura fil-pajjiż minn fejn inħarġilhom il-permess tar-residenza.

Irriżulta li 7 mill-barranin kellhom id-dokumenti maħruġa mill-awtorijiet Taljani filwaqt li persuna oħra hi ta’ ċittadinanza Spanjola.

Fil-preżent, il-barranin qegħdin fil-kustodja tal-Pulizija minħabba l-fatt li kienu qegħdin jgħixu fi stat ħażin ħafna u fil-ħmieġ.

Din l-ispezzjoni saret bl-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett, fl-inħawi ta’ fejn hemm il-katusi mitluqa ġewwa Ħal Far.