Lokali

Ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa – titnieda l-kampanja tal- “Le”

Spring hunting out, Shout hu l-messag tal-Koalizzjoni Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-kampanja b’rabta mar-referendum ta’ nhar il-11 t’April li ġej. Kampanja li se tkun qed titmexxa minn numru ta’ ambaxxaturi u kelliema.

Tlieta minn dawn huma l-eks President ta’ BirdLife Joseph Mangion, Moira Delia, preżentatriċi u attivista favur drittijiet tal-annimali u l-ġurnalist Saviour Balzan li fethu din il-kampanja waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Matul din il-konferenza tal-ahbarijiet ġie spjegat li dan hu mument storiku li sar possibbli grazzi għall-firem tan-nies u ntqal li l-kamp li se jmexxi kampanja ta’ informazzjoni intiża bl-għan li n-nies ikunu jafu għaliex hemm bżonn li titwaqqaf il-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Joseph Mangion eks president ta’ BirdLife saħaq li l-għasafar huma sbieħ jittajjru ħielsa. “Flimkien nistgħu nwaqqfu xi ħaġa li ilha snin imdejqa bis-sitwazzjoni. Malta hu l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jipper,etti kaċċa fi żmien meta jpassu l-għasafar.”

Hu argumenta li ma jagħmel l-ebda sens jinqatlu għasafar li jpassu biex ikattru. Għasafar li ladarba jkunu waslu sa Malta wara vjaġġ tant twil, ikunu l-iktar għasafar b’saħħithom. Kompla li dan juri kif Malta hi ħolqa minn katina ta’ pajjiżi.

Qal ukoll li jekk titwaqqaf il-kaċċa fir-Rebbiegħa tkun qed tonqos il-moħqrija tal-annimali, fejn semma’ kif f’ħafna każi għasafar li jispiċċaw fil-mira tal-kaċċaturi jitħallew mejta mal-art.

Mangion ippreċiża li dan mhux delizzju li se jinqered għax mhux se jintmess staġun ta’ ħames xhur li mhux affettwat minn dan ir-referendum. “Hu referendum li se jiżgura ambjent isbaħ, tgawdija tal-kampanja bil-kwiet u żieda fl-għasafar kif jixhed meta dan l-istaġun twaqqaf fil-passat.”

Moira Delia, preżentatriċi u attivista favur drittijiet tal-annimali qalet li se tkun qed taħdem għall-vot le għat-tgawdija tal-kampanja fir-Rebbiegħa, kemm għaliha kif ukoll għal uliedna.

Qalet li se temmen li hi wkoll għandha dritt issemma’ l-opinjoni tagħha mingħajr biża’ u intimidazzjoni.

Minn naħa tieghu Saviour Balzan, ġurnalist ta’ Media Today qal li għal snin twal ġejna intimidati għal ħidma biex inkunu bħal pajjiżi oħra fejn toħrog fil-kampanja u tgawdi n-natura kif inhi.

“Il-poplu issa għandu dritt li, jekk ma jiġix intimidat, joħrog jivvota kontra l-kacca, kif survey wara l-ieħor wera li l-maġġoranza trid,” qal Balzan.

Hu wissa’ li fil-kampanja tar-referendum se jkun hemm ħafna argumenti bl-għan li n-nies ma joħorġux jivvutaw imma qal li dan hu dritt tal-poplu kollu, li qed jingħata s-saħħa jiddeċiedi u jwassal li pajjiżna jkun bħal kull pajjiż ieħor.

Mistqosija jirreaġixxu dwar argumenti li wara dan ir-referendum jkun imiss oħrajn fuq delizzji oħra, huma fakkru li dan hu referendum abrogattiv immirat li jbiddel liġi u għalhekk staqsa liem delizzju ieħor hu marbut b’liġi.

10922109_10153055639017386_202856130_n