Lokali Qorti

Każ jitawwal bla bżonn tort tal-ineffiċjenza tad-dwana

Id-Dipartiment tad-Dwana ġie kkritikat b’mod qawwi mill-Maġistrat Francesco Depasquale li qal li minħabba l-intransiġenza tiegħu, kawża li kellha tinstema’ u tiġi deċiża llum, spiċċat differita quddiem Qorti oħra.

Il-Maġistrat Depasquale esprima ruħu f’verbal fil-kawża ta’ Kaptan ta’ vapur, Jamal Salah Sabai, ta’ 43 sena li ġie mixli li ma ddikjarax kważi 170 kilogramm ta’ tabakk ta’ xixa, b’valur ta’ €16,000. Allegatament hu daħħal dan it-tabakk permezz tal-vapur MV Shada.

Il-Qorti kellha tiddeċiedi l-każ wara li l-imputat ammetta u dan wara li kien intlaħaq qbil bejn il-partijiet kollha li kellha issir evalwazzjoni indipendenti tal-valur tal-vapur. Madankollu issa d-Dwana qalet li riedu japplikaw ir-regoli tagħhom. Għaldaqstant l-Avukat Difensur Arthur Azzopardi għażel li jirtira l-ammissjoni.

Skont il-Maġistrat Francesco Depasquale, “il-Qorti ma tistax ma tosservax li l-kawża, li setgħet faċilment tiġi deċiża u konkluża l-Ġimgħa, ġimgħa biss wara li l-akkużat tressaq il-Qorti, u li biha l-Gvern ta’ Malta kien se jdaħħal b’mod immedjat il-multi kollha previżti mil-liġi” issa se tittawal mingħajr ebda ġustifikazzjoni.

Il-Maġistrat qal li għal dan se jbati biss iċ-ċittadin Malti li ħaqqu jkun jaf li mhix il-Qorti li qed ittawwal il-kawżi bla bżonn, iżda awtoritajiet “intransiġenti u ineffiċjenti”. Il-kawża issa għaddiet għand il-Qorti Kriminali.