Lokali

Konsistenza minn Simon Busuttil

Min ħaseb li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista mhux ser jieħu pożizzjoni dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa kien żbaljat. Min ħaseb li Simon Busuttil m’ għamilx il-pożizzjoni tiegħu pubblika mill-ewwel għax kien għad ma kellux pożizzjoni kien ukoll żbaljat.

Il-Kap tal-PN seta għamel bħall-Prim Ministru u esprima ruħu mill-ewwel iżda m’għamilx hekk għax kuntrarjament għal Joseph Muscat, Simon Busuttil jirrispetta l-istrutturi tal-partit. Dan hu li jiddistingwi liż-żewg kapijiet. Filwaqt li Busuttil jirrispetta l-organi tal-partit li jmexxi u jikkonsulta magħhom, Musat jaħseb li hu l-bidu u t-tmiem tal-partit tiegħu u jgħid li jrid u meta jrid mingħajr ma jikkonsulta lil ħadd.

Meta kien qed jinnegozja mal-Unjoni Ewropeja, Simon Busuttil ħadem kemm felaħ u, flimkien m’oħrajn, irnexxielu jġib deroga biex il-kaċċaturi f’pajjiżna jgawdu staġun tal-kaċċa limitata fir-rebbiegħa. Il-pożizzjoni li ħa l-Kap tal-partit illum hija l-istess pożizzjoni li kellu għaxar snin ilu. Simon Busuttil huwa konsistenti.

Issa naturalment kif qal il-Kap kulħadd huwa liberu li jagħmel l-għażla tiegħu. Il-poplu hu sovran u dak li jiddeċiedi jrid ikun imwettaq.

Min-naħa tagħna l-politici, m’għandniex nipparteċipaw fid-dibattitu li jrid jiżviluppa fil-ġimgħat li ġejjin. Bl-ebda mod dan ir-referendum m’għandu jkun politiċiżżat. Bil-pożizzjoni komuni li ħadu ż-żewg partiti dan m’għandux ikun diffiċli.

Aħna l-politiċi għandna l-kampanja tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ma xhiex nehdew.