Lokali Qorti

Kumpens ta’ €5,000 għal Olandiż minħabba dewmien inutli f’kawża

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ordnat biex Olandiż jingħata kumpens ta’ €5,000 wara li kien dikjarat li inkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu minħabba dewmien esaġerat u bla bżonn f’kawza.

Samuel Onyeabor beda proċeduri fuq dan il-każ kontra l-Avukat Ġenerali.

Onyeabor kien beda għaddej proċeduri fil-Qorti fi Frar tal-2008 meta kien tressaq il-Qorti mixli bi traffikar ta’ droga. Sebgħa snin wara, il-kumpilazzjoni tiegħu għadha mhix konkluża.

Fl-2012 u fl-2013, il-Prosekuzzjoni kienet iddikjarat li għalqet il-provi. Madankollu dawn reġgħu infetħu mill-ġdid fuq talba tal-Avukat Ġenerali.

Onyeabor ilmenta li dam 22 xahar biex ingħata l-ħelsien mill-arrest. Fost affarijiet oħra spiċċa biex ma ngħatax permess biex imur l-Olanda biex jiġi operat.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Tonio Mallia, qalet li l-każ ta’ Onyeabor ma kellux jieħu dawk is-snin kollha u l-akkużat ma kellu ebda ħtija għalfejn il-każ dam għaddej daqstant snin.

Il-Qorti qalet ukoll li l-fatt li Onyeabor dam taħt arrest preventiv għal 22 xahar, huwa perjodu twil għaliex persuna akkużata għandha tinżamm taħt arrest preventiv għall-perjodu minimu neċessarju.

Madankollu l-Qorti qalet li Onyeabor seta’ ngħata l-kura meħtieġa f’Malta fejn setgħu sarulu t-testijiet meħtieġa.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll li kien ġie deċiż li ssirlu operazzjoni imma hu rrifjuta li din issir f’Malta. Għalhekk il-Qorti qalet li f’dan il-każ ma nkisrux id-drittijiet fundamentali tiegħu.