L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħabbret li se tkun qed tipposponi l-azzjoni industrijali marbuta mal-home visits tal-membri taghħa b’ġimgħa wara li innutat b’sodisfazzjoni kummenti maħruġa mill-management taċ-Ċentri tas-Saħħa, liema kummenti ikkonfermaw publikament li teżisti policy dwar kif isir l-home visits u dwar il-prijorita’ li bihom isiru.
Il-MAM uriet ukoll ix-xewqa tagħha illi matul din il-ġimgħa il-management taċ-Ċentri tas-Saħħa jispjega din il-policy lil pubbliku u jiżgura li din tiġi applikata fl-aqwa interessi ta’ servizz tas-saħħa b’mod effiċjenti, speċjalment matul ix-xhur tax-xitwa.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-MAM saħqet li kienet qed tikkunsidra li minn nhar it-Tnejn, tobba miċ-Ċentri tas-Saħħa ma jibqgħux iżuru pazjenti fi djarhom.
Dan għax kien hemm żieda fit-talba tas-servizz fiċ-Ċentri tas-Saħħa stess u diġà hu diffiċli għalihom biex ilaħħqu mal-pazjenti li jkunu marru fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Il-MAM appellat lill-Ministeru tas-Saħħa biex jikkundanna abbuż verbali fuq it-tobba waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u talbitu jispjega l-policy tiegħu stess minflok iħalli r-rabja fost il-pubbliku tiżdied għalxejn.
//= $special ?>