Internazzjonali

Last Blood: il-ħames film ta’ ‘Rambo’

Id-dilettanti tal-karattru ‘Rambo’ — li ilu mis-snin tmenin sinonimu mal-attur Amerikan Sylvester Stallone — qed jistennew il-ħames kapitlu f’din is-sensiela ta’ action-movies popolari u li se jkun jismu ‘Last Blood’.

Stallone ħadem il-parti prinċipali ta’ ‘Rambo’ fl-erba’ films preċedenti u anki kiteb is-script ta’ kull produzzjoni. Intant, l-attur veteran ħareġ l-ewwel indikazzjoni, permezz ta’ Twitter, li ‘qiegħed jipproduċi jew wasal biex jibda jaħdem fuq avventura finali f’din is-sensiela’.

Jidher ukoll li qam interess notevoli f’dan il-proġett li mistenni joħroġ fis-swali taċ-ċinema aktar minn 30 sena wara li Stallone, li għandu 68 sena, ‘introduċa’ l-karattru ta’ John Rambo, eks-veteran tal-Gwerra fil-Vjetnam li ma jaf l-ebda limiti, fil-film tal-1982, bl-isem ‘First Blood’.

It-tliet ‘sequels’ għal First Blood — First Blood Part II (1985), Rambo III (1988) u Rambo (2008) — ukoll kisbu suċċess fil-box office, bis-sensiela tagħti dimensjoni u kwalita ġdida lill-films li jibbażaw fuq l-azzjoni u x-xeni tal-ġlied spettakolari.

Intant, kull kapitlu (film) f’dan il-‘franchise’ biegħ l-ekwivalenti ta’ aktar minn $100 miljun f’biljetti għaċ-ċinema madwar id-dinja.

Filwaqt li r-ritorn ta’ Rambo fis-swali taċ-ċinema jista’ jkun imminenti, għadhom friski l-memorji tal-aħbar, is-sena l-oħra, rigward sensiela ġdida għat-televiżjoni fuq it-tema ‘Rambo’ (u mingħajr il-kontribut ta’ Stallone) li tidher li tħalliet fuq l-ixkaffa.