Lokali

Mhux eskluża l-privatizzazzjoni tal-Air Malta

Il-Gvern mhux qed jeskludi li jipprivatizza l-Air Malta. Dan qalu il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis f’kummenti li ta lil-portal newsbook.com.mt.

Mistoqsi dwar il-possibilita’ li l-Gvern jipprivatizza l-Air Malta, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-ewwel prijorita’ tal-Gvern hija li l-Air Malta terġa tqum fuq saqajha skond il-pjan ta’ ristrutturar, u għaldaqstant il-Gvern m’hu se jeskludi xejn f’dan il-mument.

Huwa qal ukoll li sakemm il-Gvern jibqa’ jżomm f’idejh il-maġġoranza tal-ishma tal-Air Malta, il-possibilita’ tal-privatizzazzjoni mhux se tiġi eskluża.

Edward Zammit Lewis irrefera għal bdil li sar dan l-aħħar fis-servizzi li toffri l-Air Malta, ewlieni fosthom l-introduzzjoni ta’ baguette u flixkun ilma għall-passiġġiera flok ikla sħuna, miżuri li se jwasslu biex l-Air Malta tiffranka mad-9 miljun ewro fis-sena.

Minkejja li ammetta li kien hemm għadd ta’ problemi biex din il-miżura tiġi introdotta, huwa qal li din kienet meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tar-ristrutturar tal-Air Malta.

F’April tas-sena li għaddiet il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li f’dak l-istadju ma kien hemm l-ebda pjan biex l-Air Malta tkun privatizzata filwaqt li f’Ottubru tas-sena 2013 il-Ministru tat-Turiżmu Karmenu Vella fil-Parlament evita tweġiba diretta meta ġie mistoqsi jekk il-Gvern mhux qed jikkunsidra li jipprivatizza l-Air Malta, minkejja dan, f’Novembru tal-istess sena huwa wkoll ma’ kienx eskludiex il-privatizzazzjoni.

Sa Ottubru tas-sena li għaddiet, Joseph Muscat eskluda il-privatizzazzjoni tal-Air Malta, filwaqt li tenna li il-pjan ta’ ristrutturar se jibqa’ prijorita’. Meta saret din id-dikjarazzjoni kien hemm ukoll preżenti il-Ministru Edward Zammit Lewis.