Internazzjonali Kurżitajiet Xjenza u Teknoloġija

Oġġett misterjuż lokalizzat wara l-Istazzjon Internazzjonali fl-Ispazju.

UFO ġie lokalizzat qrib l-Istazzjon Internazzjonali fl-Ispazju (ISS) f’filmat li xxandar wara li l-astronawti evakwaw parti minn vettura spazjali.

Dilettanti tal-astronomija nnotaw oġġett stramb jisparixxi wara l-ISS, bi stqarrijiet qed jgħidu li l-istazzjon spazjali hu fil-fatt post għall-aljeni biex jiġu jiltaqgħu mal-bnedmin.

Filmati tal-UFO dehru fuq stazzjon tat-televiżjoni Amerikan, tant li qajmu dibattitu fuq l-internet minn nies li huma moħħhom fuq il-kumplotti. Għadu mhux ċar jekk il-filmat kienx wieħed meħud min-NASA.

Uħud qed jallegaw li raw UFO jidħol fl-atmosfera tad-dinja, filwaqt li oħrajn spekulaw li l-ħbieb ta’ ET (il-karattru aljen fil-film tas-snin Tmenin u li kellu direzzjoni ta’ Steven Spielberg) fis-servizzi tal-emerġenza, humiex lesti biex jgħinu lill-astronawti li qed ikunu evakwati!

L-astronomi u dilettanti tal-istilel kontinwament qed jaraw oġġetti strambi qrib l-ISS, għalkemm dawn l-oġġetti kienu imfissra bħala fdalijiet fl-ispazju.

In-NASA ukoll kienet akkużata li għattiet l-eżistenza tal-aljeni, b’teoristi dwar il-kumplotti jsostnu li l-aġenzija spazjali Amerikana taqta’ filmati mxandra b’mod dirett kulmeta vettura spazjali stramba tkun lokalizzata fl-ispazju.

Sfortunatament, għal min jemmen fil-ħajja lil hinn mid-dinja, l-aħħar UFO jista’ jkun jew weather balloon sa sħaba jew volum ta’ silġ.