Michelle Sullivan, il-mara li spiċċat imbenġla, bi ġrieħi f’wiċċha wara li qalgħet daqqiet minn bouncer f’Paceville, ġiet notifikat li se titressaq il-Qorti biex taffaċċja akkużi li ppruvat tuża l-forza u li kisret il-paċi pubblika.
L-inċident seħħ nhar is-Sibt 20 ta’ Diċembru meta Sullivan u ħabibtha spiċċaw aggrediti u msawwta minn bouncer u manager ta’ żewġ klabbs ewlenin fi triq Wilġa f’San Ġiljan.
Kawża tad-daqqiet, Sullivan spiċċat imbenġla, bi black eye, qatgħat fuq wiċċha u bi troffa xagħar nieqsa. Saħansitra qalet li xi ħadd ta daqqiet ta’ sieq waqt li kienet mal-art.
Il-każ kollu beda wara li allegatament sħabha kienu trattati b’mod vjolenti minn bouncer u Sullivan marret biex twaqqfu milli jaġixxi bi vjolenza. Imma minflok, dan il-bouncer dar lejha u qabad jagħtiha wkoll.
Imma filwaqt li l-ebda ħaddiem ta’ klabbs f’Paceville ma tressqu l-Qorti, Sullivan qed tallega li l-Pulizija li waslu fuq il-post waqt li kienet qed tissawwat, mhux biss jafu min kien imma saħansitra sejħulu b’ismu. Jidher li ma ġewx sekwestrati lanqas il-filmati minn kameras tas-sigurta’ li kienu mixgħula u juru propju ż-żona fejn seħħ kollox.
Dan l-iżvilupp wasal ftit jiem wara li l-istess Sullivan, f’ittra lill-Prim Ministru kitbet li “wara l-attakk fuqi u sħabi minn numru ta’ bouncers f’San Ġiljan, jidher li saru numru ta’ żbalji fil-proċedura tal-investigazzjoni dwar il-każ, li wasslu biex intilfet l-evidenza kif ukoll l-opportunita’ li jitressqu quddiem il-ġustizzja l-persuni responsabbli.”
Fuq Facebook, Sullivan qed tappella lil dawk kollha li raw l-inċident iseħħ biex javviċinawha u jgħinuha bix-xhieda tagħhom f’dan il-każ.
//= $special ?>