Lokali

Żieda fiż-żwieġ bir-rit Kattoliku fis-sena 2014

Stqarrija maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof uriet kif fis-sena 2014 ġiet reġistrata żieda marġinali fiż-żwieġ tal-knisja, ammont li laħaq 1,387 ċerimonja.

Minn dan l-ammont, jirriżulta li 1,183 żwieġ kienu bejn il-Maltin, filwaqt li kien hemm 53 żwieġ bejn Maltin u barranin. Minn dawn, kien hemm 29 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin u 4 żwiġijiet ta’ Maltin ma’ barranin li m’humiex Insara.

Ġew reġistrati wkoll 13-il żwieġ bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi barranin u 138 żwieġ bejn koppji barranin.

L-istatistika wriet ukoll kif il-53 persuna minn pajjiżi barranin li ingħaqdu fiż-żwieġ ma’ persuni Maltin kienu maqsumin f’27 raġel u 26 mara minn 26 pajjiż differenti, ewlenin fosthom l-Italja u l-Ingilterra. Jirriżulta wkoll li l-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu x-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju filwaqt li l-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu kien bejn l-20 u d-29 sena.

Fl-2014 kien hemm 48 żwieġ li ġie kkonvalidat, jiġifieri żwieġ li sar biċ-ċivil li għalijhom saret talba li jsir ukoll bil-Knisja.

Matul l-istess perijodu kien hemm 6 romol li reġaw iżżewġu u 28 persuna li reġgħu żżewġu wara li iż-żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.

Din l-informazzjoni ma’ tinkludix żwieġ li ġie ċelebrat fid-djoċesi t’Għawdex.