Futbol Sport

Birkirkara jirbħu kontra Floriana

Birkirkara żammew il-pass ma’ Valletta meta għelbu lil Floriana 2-1 biex irrispondew għar-rebħa tas-Sibt taċ-Champions fuq Żebbuġ Rangers u reġgħu laħquhom fit-tieni post.

Wara bidu mill-iktar kwiet, fit-tlettax-il minuta Birkirkara fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni perikoluża tagħhom. Kien Rafael LEDESMA li kkonkluda fix-xibka mill-viċin u skurja l-għaxar gowl tiegħu f’dan l-istaġun wara kross ta’ Herrera.

Fit-23 minuta Floriana perikolużi meta Pisani minn freekick kompla lejn Piciollo li ra x-xutt bid-dawra tiegħu mdawwar f’korner mill-gowlkiper Haber.

Imma wara li sa dan il-ħin qatt ma kienu perikolużi, Floriana ħasdu lil Birkirkara fit-35 minuta. CONOR BORG bidel il-ballun ma’ Plut, ħarab lid-difiża Karkariża u għeleb lil Haber.

Fl-44 minuta Shodiya kellu ċ-ċans ipoġġi lil Birkirkara mill-ġdid fil-vantaġġ. Għal darb’oħra Herrera għadda tajjeb mal-linja, tefa’ kross preċiż imma Shodiya tefa’ għoli bir-ras.

Fit-tieni taqsima kienu Floriana l-ewwel perikolużi fil-50 minuta b’kontrattakk. Għal darb’oħra ż-żagħżugħ Connor Borg ikkontrolla tajjeb, għadda lejn Piciollo imma x-xutt tiegħu kien ċentrali u salvat minn Haber.

Imma Herrera kompla jagħmel il-ħsara lid-difiża Furjaniża. Fit-52 minuta kross tiegħu mal-art lejn Ryan SCICLUNA li żmarkat tefa’ fix-xibka u Birkirkara mill-ġdid fil-vantaġġ.

Fis-60 minuta reġa’ kien Herrera li b’pass preċiż sab lil Gonzaga li għola tajjeb imma bir-ras ra lil Gauci jsalva. Birkirkara komplew jippressaw u fil-65 minuta Gonzaga xxuttja għoli.

Birkirkara komplew jiddominaw u fis-67 minuta għal darb’oħra Gonzaga waħdu quddiem Gauci iżda ixxuttja dritt f’idejn il-gowlkiper Furjaniż.

Fl-74 minuta ċans ieħor tad-deheb għal Gonzaga li antiċipa l-ħarġa ta’ Gauci imma x-xutt tiegħu ħabat mal-lasta qabel iddawwar f’korner.

Erba’ minuti wara nqalgħet kontroversja hekk kif Vito Plut kellu daqqa ta’ ras maqlugħa minn fuq il-linja minn Camenzuli bi Floriana jilmentaw li l-ballun kien qabeż il-linja.

Fl-aħħar minuti l-kowċ ta’ Floriana Giovanni Tedesco xeħet kollox fuq l-attakk imma ftit li xejn ħolqu periklu u kien biss Muir li minn freekick dirett ra l-ballun jgħaddi ftit barra mil-lasta difiża minn Haber.

B’din it-telfa Floriana naqsu milli japprofittaw mit-telfa ta’ Balzan iktar kmieni u jqarrbu r-raba’ post li jtihom passaġġ għall-Ewropa.