Il-famuż każ ta’ Norveġja kontra Malta, li seħħ nhar is-Sibt 2 ta’ Ġunju 2007, għadu miftuħ u preżentament qed isiru l-ittri rogatorji, li hi proċedura ġudizzjara. Dan qalu l-Kummissarju tal-Pulizija, Michael Cassar f’intervista li hu ta lill-programm Replay li jixxandar ilejla fl-9:40pm fuq Net Television. F’din l-intervista, il-Kummissarju Cassar jitkellem dwar diversi punti ta’ interess b’rabta mal-ġlieda li qed tagħmel pajjiżna kontra l-korruzzjoni u l-match fixing fil-futbol lokali.
Nhar il-Ħadd li għadda, Replay iddiskuta dan is-suġġett fid-dettall b’intervisti mas-Segretarju tal-MFA Bjorn Vassallo u l-integrity officer tal-istess assoċjazzjoni, Franz Tabone. Dawn it-tnejn fisru kif preżentament m’għandhomx biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet lokali sabiex jiġġieldu dan il-kankru li qed joqtol il-futbol Malti. Fil-ħin li kien għaddej il-programm kienu ħafna dawk li kitbu kummenti fuq is-social media, inkluż politiċi sabiex jesprimu l-ħtieġa li dan is-suġġett jitla’ fuq l-aġenda tal-pajjiż. Saħansitra tresqet domanda Parlamentari mill-Onorevoli Robert Cutajar waqt li l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-iSport l-Onorevoli David Agius iltaqa’ mal-Ministru tal-Intern Carmelo Abela biex jiddiskutu dan is-suġġett.
Fil-programm tal-lejla, Replay se jkollu bħala mistieden lil Bjorn Vassallo kif ukoll lill-Kap tal-Prosekuzzjoni tal-MFA, l-Avukat Adrian Camilleri. Mistiedna ukoll, mit-tim ta’ opinjonisti ta’ Replay se jkun hemm Robert Micallef u Konrad Sultana. Għal aktar informazzjoni dwar il-programm Replay u aħbarijiet mill-kamp tal-futbol lokali żur il-paġna ta’ Replay fuq Facebook www.facebook.com/ReplayNetTelevision .
//= $special ?>

