Futbol Sport

Hibernians ikomplu jirbħu

Hibernians reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 15-il punt fil-quċċata tal-klassifika meta għelbu lil Balzan 4-0 u li spiċċaw il-partita bi plejer anqas.

Il-logħba mill-ewwel bdiet b’kontroversja meta fis-7 minuta Hibernians ingħataw freekick dirett wara allegat hands ta’ Serrano. Wara numru ta’ azzjonijiet konfużi, fl-20 minuta Tarabai għadda lejn Jorginho imma x-xutt dgħajjef tiegħu mar barra.

Fit-30 minuta Jorginho u Tarabai bidlu l-ballun, b’Jorginho jegħleb il-linja tal-offside imma ra lil Sultana jsalvalu mal-art. Mir-rebound Tarabai pprova jqabbeż mingħajr suċċess.

Imma l-gowl ta’ Hibernians wasal biss żewġ minuti wara. Foul inutli ta’ Serrano li ta freekick lil Hibernians, inkariga minnu Cohen li sab lil TARABAI li bir-ras kompla għal ġewwa.

Fil-35 minuta Tarabai seta’ rdoppja meta għal darb’oħra tħalla jogħla waħdu imma d-daqqa ta’ ras kienet ikklerjata mid-difiża ta’ Balzan.

Hibernians irduppjaw fid-59 minuta meta l-ballun ħarab minn idejn il-gowliper Sultana wara freekick dirett u ċentrali ta’ Tarabai. Pront kien Andrew COHEN li ħataf l-okkażjoni u xeħet ġewwa.

Fil-65 minuta s-sitwazzjoni kompliet issir iktar kumplikata għal Balzan meta Serrano waqqaf il-ġirja ta’ Jorginho u tkeċċa wara t-tieni safra u issa jitlef il-logħba kontra Sliema Wanderers.

Fit-73 minuta ċans ieħor għal Hibernians meta Jorginho ħarab wara żball ta’ Bezzina fid-difiża, qabbeż min fuq Sultana imma l-ballun għadda jħakkek mal-wieqfa.

Finalment l-14-il gowl tal-kampjonat għal JORGINHO wasal fil-85 minuta. Azzjoni maħduma tajjeb mis-sostitut żagħżugħ Mbong li għadda lejn Tarabai li kompla lejn Jorginho u b’finta ħawwad id-difiża ta’ Balzan, qarraq bil-gowlkiper Sultana u kompla ġewwa.

U ftit minuti wara li daħal bħala sostitut, Jurgen DEGABRIELE żied l-iskor għal 4-0 meta kompla ġewwa minn kross ta’ Failla. Balzan kienu totalment mitlufa b’Hibernians saħansitra jolqtu lasta oħra, dik ta’ fuq, wara xutt minn Lima fil-91 minuta. Fuq in-naħa l-oħra tal-grawnd, Micallef irċieva mingħand Picciollo, imma m’għarafx jegħleb lil Bonello minn quddiemu.

B’hekk tasal telfa għal Balzan wara żewġ draws u tliet rebħiet infila, imma madanollu għadhom iżommu r-raba’ post fuq Floriana.