Wara li din il-ġimgħa l-Gvern ikkonfema fil-Parlament li l-Air Malta ħatret barrani bħala Kontrollur Finanzjarju Ewlieni, il-mument żvelat li l-kuntratt tal-barrani Klaus Glosser li se jibda għall-ħabta ta’ Marzu li ġej, iġorr miegħu pakkett finanzjarju li jlaħħaq is-somma ta’ madwar €350,000 fis-sena.
Din id-deċiżjoni tal-Air Malta li timpjega lil barrani f’wieħed mill-ogħla gradi tat-tmexxija tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, qed tasal f’perjodu li fih l-Air Malta ħabbret sensiela ta’ deċiżjonijiet drażtiċi li saħansitra raw it-telf ta’ impjieg għal madwar 80 ħaddiema mal-kumpanija li kienet tissupplixxi l-ikel lill-Air Malta.
Dn il-ħatra tal-Gvern fl-Air Malta b’salarju daqstant qawwi, tikkuntrasta bil-kbir mal-kritika li l-Partit Laburista kien għamel meta kien fl-Oppożizzjoni, b’kampanja wkoll orkestrata kontra deċiżjonijiet li ttieħdu mill-amministrazzjoni Nazzjonalista bil-ħatra fl-2011 ta’ Philip Saunders f’kariga għolja wkoll tal-Air Malta.
Din l-aħħar deċiżjoni dwar l-Air Malta, tikkuntrasta wkoll ma’ stqarrijiet oħrajn li saru mill-istess kumpanija tal-ajru meta f’Diċembru li għadda ħabbret li l-passiġġieri tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru minn din is-sena jingħataw baguette u nofs litru ilma minflok l-ikliet biex jiġu ffrankati 4 miljun ewro kull sena.
Kienet l-Oppożizzjoni fil-Parlament li talbet lill-Gvern jikkonferma li l-Air Malta ħatret Kontrollur Finanzjarju barranni. Il-Ministru Zammit Lewis ma tax l-informazzjoni mitluba mid-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo dwar il-pakkett finanzjarju tal-Kontroll Fnannzjarju Barrani.
It-tmexxija tal-Air Malta taħt dan il-Gvern fl-aħħar sentejn, kienet fiċ-ċentru ta’ diversi dibattiti dwar deċiżjonijiet kontroversjali li ttieħdu.
Fl-aħħar sena u tliet xhur, l-Air Malta impjegat kważi 300 persuna.
Aktar dettalji fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mument.
//= $special ?>