Knisja Lokali

Iż-żwieġ iwassal għal qofol tal-maturita’ personali fl-imħabb – L-Isqof Charles Scicluna

F’messaġġ lil koppji li iżżewġu fis-sena 2014, l-Isqof Charles Scicluna irringrazzja lil dawn il-koppji li għażlu li jidħlu fis-sagrament taż-żwieġ f’għażla libera u b’turija pubblika tal-valuri li stqarru quddiem is-soċjeta’.

Huwa irrefera għall-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lil Korintin filwaqt li tenna li hekk kif il-miżżewġin għażlu li jingħataw lil xulxin quddiem il-Knisja, din l-għotja ma’ saritx ibbażata fuq ħwejjeġ żejda, iżda fuq proġett dejjiemi, ta’ fedelta’, u miftuħ għad-don tal-ħajja fi żwieġ bejn raġel u mara.

L-Isqof saħaq li l-għotja tal-miżżewġin ma jfissirx li il-personalita’ tal-miżżewġin se tiġi kkanċellata, iżda se twassal għal qofol tal-maturita’ personali fl-imħabba. Huwa tenna wkoll kif bl-għażla ta’ żwieġ quddiem il-Knisja, dawn il-koppji għamlu wkoll att ta’ fidi li jesprimi ruħu fit-tama, fl-imħabba, fedelta’ u fit-tama tad-don tal-ulied.

Huwa appella wkoll il-miżżewġin jibqaw ikunu wlied u qaddejja t’Alla, filwaqt li ħeġġiġhom biex ikomplu jikkonfermaw l-ġħażla tagħhom fi Kristu .

L-Isqof temma l-appell tiegħu billi awgura lil miżżewġin ħajja twila u ferrieħa flimkien, xhieda tal-glorja tal-Mulej.