Internazzjonali Kurżitajiet

Kienet titma l-qtates lill-pet kukkudrill

L-awtoritajiet għall-kontroll tal-annimali fl-Istat ta’ Kalifornja ħadu azzjoni pronta wara li sabu kukkudrill enormi — li jaħsbu għandu 40 sena — u l-katavri ta’ żewġt iqtates ġo dar, f’sobborg ta’ Los Angeles. Sadanittant, is-sid tad-dar, Laura Mattson u qrabatha ċaħdu l-allegazzjonijiet li hi (Mattson) kienet ‘qed titma’ l-qtates lill-mostru’.

Il-kukudrill, bl-isem ‘Jaxson’, hu tal-ispeċi femminili u nstab ġo kaxxa li kien mgħotti ‘bil-weraq u l-imbarazz’ f’din ir-residenza.

Jingħad li Laura Mattson kienet ilha s-snin tieħu ħsieb l-annimal, u meta hi qed tirrifjuta kull akkuża ta’ ‘moħqrija’. Mattson anki pproduċiet ritratti li juru lill-istess kukudrill fost diversi qtates żgħar u qalet li dan ‘juri kemm kien mans u ideali għall-eżistenza domestika’.

Madankollu, il-kukudrill, issa, jinsab f’idejn l-uffiċjali taż-zoo ta’ Los Angeles u Laura Mattson ilmentat ‘li jħossha daqslikieku tilfet parti mill-familja tagħha’.

Hi fissret li r-raġel tagħha (illum mejjet) daħħal lill-kukudrill ftit wara li kien twieled l-annimal u ma naqsitx milli tikkundanna l-istqarrijiet mill-awtoritajiet, fis-sens li ‘d-dieta ta’ Jaxson kienet tikkonsisti mill-qtates’.

Il-mara qalet li hi anki ħadet ħsieb id-diversi qtates li kienu mitluqa barra t-triq. Fl-istess ħin, Mattson insistiet mal-Istazzjon NBC li l-kukudrill ilu għal dawn l-aħħar 36 sena ‘jgħix fuq it-tiġieġ u l-hot dogs’.