Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikkjara li lest jieħu d-deċiżjonijiet kollha possibbli fil-kumpanija AirMalta.
Joseph Muscat għamel din id-dikjarazzjoni meta kien qed jindirizza attivita politika f’Ħaż Żebbuġ.
Madanakollu Joseph Muscat ma qalx jekk dawn id-deċiżjonijiet li jrid jieħu l-Gvern Laburista jinkludux ukoll il-privatizzazzjoni tal-AirMalta.
Kien il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li, f’kummenti li ta lil-portal newsbook.com.mt, ikkonferma li l-Gvern mhux qed jeskludi li jipprivatizza l-Air Malta.
Jekk dan iseħħ Joseph Muscat ikun mar lura minn kelmtu minħabba li f’Ottubru tas-sena li għaddiet, waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-andament tal-Air Malta, Muscat kien eskluda li din tista’ tiġi privatizzata.
Waqt l-attivita politika tal-Ħadd filgħodu Joseph Muscat tkellem ukoll dwar id-dibattitu li mistenni jsir fil-Parlament dwar l-EneMalta. Muscat sostna li l-Gvern Laburista ppubblika ħafna dokumenti dwar l-Enemalta u ddikkjara li din kienet l-iktar darba li kienu ppubblikati dokumenti b’rabta ma’ kuntratt maġġuri.
Madankollu f’kummenti lill-media l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Marthese Portelli spjegat li d-dokumenti li kienu ppubblikati mill-Gvern ma jinkludux numru ta’ dettalji fosthom ir-rata li biha se jinxtara l-gass u d-data ta’ meta l-impjant se jinqaleb għall-gass. Fid-dokumenti li tressqu fil-Parlament mill-Gvern ma hemm l-ebda referenza għall-futur tal-ħaddiema tal-Enemalta.
Huwa għal din ir-raġuni li l-Oppożizzjoni għadha qed tinsisti li trid iktar informazzjoni qabel ma jkun jista’ jsir d-dibattitu fil-Parlament dwar il-futur tal-Enemalta.
Minkejja li d-diskors ta’ Joseph Muscat fil-maġġoranza tiegħu ffoka fuq l-ekonomija fl-ebda ħin ma saret referenza dwar il-fatt li f’pajjiżna qed jitħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-fjuwil u l-effett li dan għandu fuq il-kompetittività tal-industrija u fuq l-għoli tal-ħajja.
//= $special ?>