Internazzjonali

Ma jiqfux l-insinwazzjonijiet fil-każ ‘Diana’

Dramm ġdid dwar il-Prinċipessa Diana li għadu kemm ħareġ fil-West End ta’ Londra ħoloq mhux ftit tal-kontroversja. Dan meta l-produzzjoni għall-palk tidħol ‘fil-qofol’ taċ-ċirkostanzi dwar mewtha, minbarra li tirreferi għal rwol ‘partikolari’ ta’ James Hewitt, eks-uffiċjal tal-Armata, fil-ħajja tal-Prinċipessa.

Kulħadd jaf li l-Prinċipessa Diana mietet, flimkien mas-sieħeb, Dodi Fayed, meta l-karozza li kienu għaddejjin biha kienet involuta f’inċident taħt mina ta’ Pariġi, f’Awwissu tal-1997.

Fl-inċident miet ukoll ix-xufier tal-Prinċipessa u waqt li l-każ għadu meqjus bħala misteru, id-dramm ġdid bl-isem ‘Truth, Lies, Diana’ għandu jqanqal reazzjonijiet ta’ rabja u kundanna minħabba li jsostni tema provokattiva għall-aħħar.

Id-dramm, fost oħrajn, jissuġġerixxi li Hewitt — li kien il-maħbub ta’ Diana fiż-żmien meta hi kienet għadha miżżewwġa lill-Prinċep Charles — ‘hu, fil-fatt, missier il-Prinċep Harry’; l-iben iż-żgħir tal-Prinċipessa ta’ Wales.

Hewitt, imlaqqam ‘The Cad’, jiċħad li qatt ħareġ b’xi insinwazzjonijiet ta’ dan it-tip. Madankollu, mifhum li hu ikkollabora ma’ Jon Conway, l-awtur tad-dramm inkwistjoni, fejn kien iltaqa’ miegħu biex jiddiskuti l-memorji tiegħu ta’ Diana.

‘Truth, Lies, Diana’ jibbaża anki fuq elementi ta’ ktieb ġdid ta’ John Morgan bl-isem ‘How They Murdered Princess Diana’. Morgan ħa ħsieb l-evalwazzjoni ‘forensika’ ta’ xi 7,000 paġna ta’ dokumenti dwar l-inkjesta, l-istqarrijiet tal-pulizija u r-rapporti mediċi b’konnessjoni mal-mewt tal-Prinċipessa li kellha 36 sena.

Illum, James Hewitt, li fl-Armata kellu l-grad ta’ Maġġur, qed jgħix f’Devon, flimkien ma’ ommu.