Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista wera t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar żviluppi li se jintlaqtu b’mod dirett bihom persuni li huma Coeliac. Il-Partit Nazzjonalista qal li dak li ħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne huwa insult għal kull min hu Coeliac.
Fil-jiem li għaddew, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg għamlet kuntatt mas-Coeliac Association Malta fejn ġie diskuss il-voucher li se jdaħħal il-Gvern għal persuni li huma Coeliac.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja lill-Assoċjazzjoni fl-insistenza li qed tagħmel mal-Gvern biex l-ammont ta’ €30 fix-xahar jiżdied biex jirrifletti verament in-nefqa ta’ dawn il-persuni kull xahar fuq prodotti speċifiċi u li jkunu addattati għall-kundizzjoni tagħhom.
Gvern serju u li veru jisma’ ma jaqbadx u jiddeċiedi dawn l-affarijiet mingħajr konsultazzjoni. Huwa ċar li d-deċiżjoni tal-Gvern hija waħda insensittiva u li tirrifletti biss it-tixħiħ tal-Gvern fis-settur tas-saħħa, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>