Id-deċiżjoni tal-UE, wara dik tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina, li għall-pillola ta’ wara rapporti sesswali mhux se tibqa’ l-ħtieġa ta’ riċetta mit-tabib, qanqlet mill-ewwel polemika f’ċerti pajjiżi fosthom fl-Italja.
Tobba u spiżjara Kattoliċi qed jinsistu li din il-pillola, li tittieħed sa ħamest ijiem wara rapport intimu, tfisser abort u mhux kontraċezzjoni. Għalhekk fl-Italja, minkejja d-deċiżjoni tal-UE, mill-ewwel hemm reżistenza għal din il-mediċina.
Jirriżulta li fl-Italja biss, waqt li hemm 320,000 mara fis-sena li jieħdu l-pillola tal-“għada filgħodu”, huma biss 20,000 fis-sena dawk li jieħdu l-pillola sa ħamest ijiem wara.
Fil-mezzi tax-xandir Taljani qed jingħad li l-produttur ta’ din il-pillola, sitt xhur ilu talab lill-awtoritajiet Taljani biex ineħħu l-obbligu tar-riċetta tat-tabib imma s’issa l-awtoritajiet fil-pajjiż għadhom ma ddeċidewx.
Tobba u speċjalisti qed jinsistu li jekk din il-pillola tittieħed minn tfajliet taħt l-età wara rapport sesswali, se jagħmlu ħsara qawwija lil ġisimhom. Qed jagħmlu pressjoni biex il-Gvern Taljan u l-awtoritajiet tas-saħħa jimblukkaw din id-deċiżjoni tal-UE.
//= $special ?>